Internazzjonali

Trid tixtri ajruplan ta’ Elvis?

Żewġ ajruplani privati li kienu tar-Re tar-Rock ‘n Roll, Elvis Presley, se jinbiegħu bl-irkant — b’waħda mill-kundizzjonijiet ikunu li l-identita tax-xerrej jew xerrejja għandha tinżamm sigrieta.

L-ajruplani – li jisimhom Lisa Marie ( wara bint Elvis) u Hound Dog II – m’għadhomx tajbin għall-vjaġġi, meta ilhom aktar minn 30 sena għall-wiri fi Graceland, ir-residenza tal-kantant, li tinsab f’Memphis, fl-Istat ta’ Tennessee. Iżda l-ajruplani huma xorta favoriti kbar mal-fans ta’ Elvis li, sena wara l-oħra, qed jagħmlu t-tours ta’ Graceland .

Il-Lisa Marie, ajruplan tat-tip Convair 880, kien inxtara mill-kantant fl-1975 (sentejn biss qabel miet), u sar ix-xogħol fuqu biex jinkorpora fih suite, b’sodda kbira u kamra għall-konferenzi.

L-ajruplan Hound Dog II, li ilu esebit fi Graceland mill-1984, hu tat-tip Lockheed JetStar u wkoll kien inxtara fl-1975.