Futbol Sport

Wirja qalbiena ta’ Żebbuġ ma twaqqafx lil Hibs

HIBERNIANS………..5

ŻEBBUĠ R…………….2

Hibernians: H. Bonello, J. Pearson, R. Soares, T. Tabone Desira (J. Mbong 46’), A. Cohen, J. Lima Siqueira, C. Failla, J. Bezzina, A. Agius, E. Luis dos Santos, J. Pereira da Silva (J. Degabriele 82’)
Żebbuġ: J. Farrugia, J. Borg, Y. Camilleri, L. Galea, T. Paris, C. Monti, M. Muchardi, M. Rodrigues Britto, M. Bartolo, K. Zammit, M. Farrugia (M. Gauci 54’)

Imwissija: J. Lima Siqueira 32’ (H), J. Borg 34’, K. Zammit 45’, M. Muchardi 70’, M. Rodrigues Britto 76’ (Ż)
Tkeċċa: K. Zammit 75’ (Ż)
Skorjaw: C. Monti 3’, 65’, Y. Camilleri 55’ (Ż), J. Pereira da Silva 10’, R. Soares 35’, J. Pearson 56’, E. Luis dos Santos 81’, A. Cohen 87’(H)
Referee: Sandro Spiteri
Plejer tal-Logħba: Andrew Cohen (H)
Attendenza: 819

Hibernians bdew is-sena kif spiċċawha meta għelbu lil Żebbuġ Rangers 5-2. Rebħa li mmaturat fit-tieni taqsima speċjalment wara li gawdew minn vantaġġ numeriku. Għal Żebbuġ din kienet wirja qalbiena kontra l-liders u baqgħu fil-partita sa kwarta mit-tmiem.
Il-wirja tagħti kurraġġ lil Żebbuġ li jibqgħu jissieltu u żgur li prestazzjonijiet bħal din ser ikunu importanti għalihom.
Hibernians kellhom neqsin lil Bjorn Kristensen li kien sospiż filwaqt li Rui Gomes kien nieqes wara li ġie msejjaħ biex jifforma parti mit-tim Nazzjoni tal-Ekwatorjal Guinea.
Kienu Żebbuġ li fetħu l-iskor wara biss tliet minuti meta CARLO MONTI irċieva ballun tajjeb, avvanza u minkejja li kien issikkat daħal fil-kaxxa u b’xutt b’saħħtu għeleb lil Henry Bonello. Iżda Hibernians irkupraw mill-ħasda inizjali u ġabu d-draw meta JORGE PEREIRA DA SILVA irċieva ballun minn nofs il-grawnd u b’konklużjoni angolata għeleb lil Jeffrey Farrugia.
Żebbuġ bdew jaqsmu l-logħob u marru viċin it-tieni gowl fid-29 minuta meta pass preċiż nifed id-difiża ta’ Hibernians, il-ballun spiċċa għand Matthew Bartolo li avvanza iżda x-xutt tiegħu kien salvat bi bravura minn Bartolo.
Il-Pawlisti marru fil-vantaġġ fil-35 minuta meta free-kick ta’ Edison Luis dos Santos ġie mxellef għand RODOLFO SOARES li kkontrolla u għeleb lil Farrugia b’xutt fil-baxx.
Andrew Cohen mar viċin it-tielet gowl għal Hibs fl-44 minuta meta pprova b’xutt bix-xellug iżda Jeffrey Farrugia kien pront u dawwar f’korner.
Iż-Żebbuġin ħolqu l-ewwel azzjoni tat-tieni taqsima u marru viċin fis-47 minuta b’xutt imdawwar ta’ Muchardi li Henry Bonello dawwar f’korner. Hibernians wieġbu fil-51 minuta meta minn kross ta’ Failla, Pereira da Silva b’daqqa ta’ ras ra lil Farrugia jdawwar f’korner bi bravura.
Hibernians skorjaw it-tielet gowl fis-56 minuta meta minn free-kick ta’ Failla, Jeffrey Farrugia salva parzjalment id-daqqas ta’ ras ta’ Tarabai u mill-viċin f’taħwida bejn tliet plejers kien JONATHAN PEARSON li skorja.
Iżda Żebbuġ reġgħu daħlu fil-partita fil-65 minuta meta CARLO MONTI għeleb lil Henry Bonello bi free-kick dirett. Hibernians imbagħad kellhom free-kick ta’ Cohen li ħabat mal-mimduda, il-ballun spiċċa għand Tarabai iżda x-xutt tiegħu ġie salvat tajjeb minn Farrugia.
Żebbuġ kellhom ikomplu l-partita b’raġel anqas meta fil-75 minuta tkeċċa Kurt Zammit għat-tieni karta safra. B’vantaġġ numeriku Hibernians marru darbtejn viċin meta fit-78 minuta xutt mill-ewwel ta’ Jackson Lima għadda ftit għoli u żewġ minuti wara xutt ta’ Tarabai minn pożizzjoni tajba ġiet mdawra f’korner minn Farrugia.
Iżda Hibernians għalqu l-partita fil-81 minuta meta mill-korner ta’ Failla, kien EDISON LUIS DOS SANTOS li pprova bir-ras iżda mess il-ballun b’siequ u tefa’ ġewwa. Hibernians żiedu ieħor fis-87 minuta meta ANDREW COHEN żamm il-ballun u għeleb faċilment lil Farrugia b’xutt b’saħħtu.