Internazzjonali Kurżitajiet

Żewġ ajruplani privati ta’ Elvis Presley se jkunu rkantati

Żewġ ajruplani privati, b’wieħed minnhom komplut b’sink indurat bid-deheb u b’kamra tas-sodda lussuża, se jkunu rkantati.

Skont id-dar tal-irkant f’Beverly Hills, l-ajruplani Lisa Marie u Hound Dog II, li l-eks Re tar-Rock and Roll kien iddisinja personalment, se jkunu rkantati u mistennija jġibu bejn $10 miljun u $15-il miljun.

Dawn il-private jets ma jistgħux itiru, iżda kienu għall-wiri għat-tgawdija tat-turisti fi Graceland – il-post fejn Elvis kien jgħix f’Memphis, Tennessee – għal dawn l-aħħar 30 sena.

Presley kien xtara l-Convair 880 jet mingħand Delta Air Lines fl-1975, sentejn qabel mewtu fl-eta’ ta’ 42 sena, għal $250,000. Hu kien semmih Lisa Marie għal bintu.

Presley kien nefaq aktar minn $300,000 biex sebbaħ l-ajruplan b’kamra tas-sodda, kamra għall-konferenzi, bar u sistema għax-xandir tal-films li kienet magħquda ma’ erba’ televiżjonijiet.

Elvis kien xtara l-ajruplan Hound Dog II, tat-tip Lockheed Jetstar, ukoll fl-1975 għal madwar $900,000 waqt li kien qed jistenna għat-tisbiħ tal-ajruplan Lisa Marie.

Min jixtri l-ajruplani għandu l-għażla li jixtri diversi ettari ta’ art li jinsabu maġenb Graceland sabiex jesebixxi l-ajruplani, indipendentament mill-Mużew Presley.