Lokali

Filmat: Identifikati ż-żewġ persuni li qattgħu tliet minuti jisirqu minn ħanut f’Buġibba

Żewġ persuni li qattgħu tliet minuti sħaħ iduru f’ħanut fi Triq it-Turisti f’Buġibba, jaħtfu dak kollu li jogħġobhom u minn taħt jaħbu u jitfgħu kollox fil-handbags tagħhom ġew identifikati u d-dettalji tagħhom ingħataw lill-Pulizija. Kontra dak maħsub oriġinarjament, il-persuni huma żewġ żgħażagħ Maltin.

Dan ftit sigħat biss wara li MaltaRightNow ippublikat l-istorja dwar din is-serqa, inkluż filmat li ttellgħa fuq il-paġna ta’ Facebook tal-istess ħanut. Filfatt immedjatament wara numru ta’ persuni għaddewlna d-dettalji dwar dawn il-persuni.

Fil-filmat jidher li f’ħin minnhom persuna marret tħallas xi ħaġa żgħira mill-affarijiet kollha li kienu ħatfu. Sadattant it-tfajla l-oħra daret lura u tefgħet fil-basket oġġett ieħor saħansitra ikbar biex b’hekk imliet il-basket.

Il-każ seħħ nhar il-Ġimgħa li għadda, it-tieni jum tas-sena, kmieni wara nofsinhar. Persuni li tkellmu magħna qalulna li dan mhux l-ewwel każ li fih kienu nvoluti dawn iż-żewġ persuni b’wieħed miż-żewġ persuni, li hu mutu, jipprova jfixkel apposta lill-ħaddiema tal-ħwienet filwaqt li l-persuna l-oħra tkompli tisraq.

Dan hu t-tieni każ solvut grazzi għal storja ppublikata fuq MaltaRightNow wara dik ta’ żewġ persuni li serqu arloġġ minn ħanut tal-ġojjellerija f’Birkirkara (aqra hawn).