Lokali

Filmat u ritratti: L-ebda splussiv f’pakkett suspettuż fi Triq ir-Repubblika

Pakkett żgħir imdawwar b’borża tal-plastik sewda u bit-tape li nstab fil-Belt Valletta t-Tnejn filgħodu qajjem suspett u wassal biex parti minn din it-triq tingħalaq għal kważi siegħa.

Il-pakkett instab f’kantuniera ta’ Triq ir-Republika ma’ Triq San Ġwann, biswit letterbox u gabbana.

Pakkett Suspettuz Valletta 3
(Ritratt: Martin Agius – Il-pakkett li nstab ħdejn il-kaxxa tal-Posta fi Triq ir-Repubblika)

Kawża ta’ dan l-episodju, b’kooperazzjoni bejn l-uffiċjali tal-Pulizija mill-Għassa tal-Belt, tar-Rapid Intervention Unit, suldati u l-wardens, ingħalaq l-aċċess għal din il-parti tat-triq.

Kellhom jingħalqu wkoll il-ħwienet fiż-żona, inkluż stabbiliment li jinkludi numru ta’ ħwienet, kif ukoll bank u każin tal-banda.

Fil-post waslu wkoll uffiċċjali mill-Explosives Ordinance Unite tal-armata li bdew operazzjoni biex iċċekkjaw x’kien fih il-pakkett u jekk kienx hemm xi periklu.

Pakkett Suspettuz Valletta 4 050115
(Ritratt: Martin Agius – Il-ħidma fi Triq ir-Repubblika mill-membri tal-Explosive Ordinance Disposal)

Wara li ġie stabbilit li ma kien hemm l-ebda riskju, t-triq u l-ħwienet fiż-żona reġgħu nfetħu u l-pakkett suspettuż inġabar mill-Pulizija għal iktar investigazzjonijiet.

Il-Pulizija qed tinvestiga dan il-kaz, u ninsabu nfurmati li ġie indikat ragel li seta’ kien hu li pogga dan il-pakkett.

Tkellimna mal-kantanti Benny u Tonia, li ta’ kuljum ikunu armati propju maġenb l-istess letter box.

Jgħidulna li minkejja li ma nstab xejn, xorta waħda episodju bħal dan ibeżżahhom. Fuq kollox ifaħħru l-ħidma tal-forzi kollha involuti f’din l-operazzjoni, b’mod speċjali l-uffiċjali tal-Pulizija mill-Għassa tal-Belt.

Pakkett Suspettuz Valletta 2
(Ritratt: Martin Agius – Triq ir-Repubblika evakwata)

Intant ninsabu nfurmati wkoll li kameras tas-sigurta’ li hemm installati mal-gabbana maġenb fejn tpoġġa dan il-pakkett jaħdmu, b’kamera minnhom ippuntata propju lejn fejn tpoġġa dan il-pakkett.