Fillandiż ta’ 33 sena nżamm taħt arrest preventiv, anke jekk wieġeb mhux ħati li għall-ħabta tal-5.30am tal-bieraħ f’Paceville kkaġuna feriti gravi fuq Malti meta tah daqqa ta’ flixkun tal-inbid f’wiċċu. Il-vittma, Christopher Vassallo, spiċċa bi 13-il punt f’wiċċu kawża tal-inċident. Hu kien ukoll preżenti l-Qorti flimkien mal-membri tal-familja tiegħu.
Tatu Antero Oksanen, li joqgħod Pender Gardens u li jinsab għall-btala f’Malta, wieġeb mhux ħati li wettaq ir-reat. Mill-provi rriżulta li l-akkużat ma kienx jaf x’ġara għax waqt li seħħ il-każ kien fis-sakra u waqa’ darbtejn mal-art meta pprova jaħrab lill-Pulizija x’ħin marru biex jarrestawh. Ingħad li l-Malti ra lill-Fillandiż ibagħbas mal-karozza ta’ Vassallo, li min-naħa tiegħu mar biex iwaqqfu u hemm allegatament seħħ l-inċident.
Fl-inċident, li seħħ fi Triq Ball f’San Ġiljan, il-Fillandiż allegatament ta żewġ daqqiet b’xi oġġett lil Malti, li wkoll għandu 33 sena u hu minn Ħaż-Żabbar. Meta saru s-sottomissjonijiet għal-libertà proviżorja, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Elton Taliana qalet li l-akkużat la ppreżenta Passaport u lanqas Karta tal-Identità, u għalhekk faċilment jista’ jaħrab minn Malta. Barra minhekk, ir-reat hu gravi fil-konfront ta’ persuna innoċenti, li kien għall-affari tiegħu fit-triq.
Min-naħa tiegħu, l-Avukat Benjamin Valenzia qal li l-klijent tiegħu lest jgħaddi d-dokumenti meħtieġa, filwaqt li l-kondotta tiegħu hi nadifa. Il-Qorti qalet li kienet qed tiċħad it-talba minħabba l-gravità tal-każ u li m’hemm l-ebda garanzija li l-akkużat mhux se jipprova jaħrab mill-pajjiż.
Għall-vittma dehru l-Avukati Noella u Michael Sciriha.
//= $special ?>