Internazzjonali Unjoni Ewropea

Il-Greċja tlesti għall-elezzjoni

L-eks-Prim Ministru Grieg, George Papandreou, irritorna fix-xena politika u qed jittama li jikkonvinċi lill-elettorat anki waqt li l-partit ġdid tiegħu tax-Xellug jattira l-appoġġ minn sezzjonijiet tal-poplu qabel l-elezzjoni ġenerali tal-25 ta’ Jannar fil-Greċja.
Is-Soċjalista Papandreou qed imexxi entità ġdida politika msejħa ‘Moviment għall-Bidla’ u għalkemm dan il-partit għadu ma fassalx il-politika speċifika, l-uffiċjali tiegħu qegħdin jaħdmu biex jieħdu l-voti lill-Partit PASOK (eks-Soċjalista) taċ-Ċentru-Xellug.

Firda fil-PASOK

Fl-2011, George Papandreou rriżenja minn Prim Ministru tal-Greċja wara li, effettivament, spiċċa mkeċċi waqt rewwixta ta’ dak li kien il-partit tiegħu (PASOK) dwar il-mod kif hu kien qed jikkonfronta l-kriżi tad-djun enormi ta’ pajjiżu. Kien Papandreou stess li, eventwalment, talab żewġ bailouts internazzjonali u daħal għal programm tal-awsterità li tefa’ lill-Griegi f’reċessjoni profonda.
Il-fatt li Papandreou, issa, ħabbar dan il-partit ġdid, hu wkoll sinifikanti għaliex ifisser firda formali mal-PASOK li kien waqqaf missieru, Andreas, xi 40 sena ilu.
Intant, ftit huma dawk li jistennew li l-partit ġdid ta’ Papandreou se jsir forza politika ‘sostanzjali’ fil-Greċja meta l-elezzjoni ġenerali hi biss ftit tal-ġimgħat ’il bogħod.
L-effetti tal-awsterità fil-Greċja qed jgħinu lill-Partit Syriza ta’ Alexis Tsipras, li qed jidher favorit li jirbaħ l-elezzjoni. Dan meta l-iżviluppi politiċi fil-Greċja qed ikunu segwiti b’attenzjoni madwar l-Unjoni Ewropea minħabba s-sitwazzjoni potenzjali fejn l-ewwel partit iddikjarat bħala ‘antiawsterità’ jieħu l-poter f’Ateni.