Lokali

Il-Gvern għad m’għandux data meta se jsiru l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali

Il-Ministru tal-Ġustizzja, il-Kultura u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li s’issa l-Gvern m’għandu l-ebda data għal meta se jsiru l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali aktar tard din is-sena. Il-Gvern se jiddeċiedi dwar dan wara li l-Ġimgħa li ġej il-Qorti Kostituzzjonali mistennija tagħti s-sentenza tagħha dwar jekk għandux isir ir-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa.

Owen Bonnici qal li ladarba l-Qorti tagħti d-deċiżjoni tagħha dwar dan, allura mbagħad il-Gvern jara meta tkun id-data meta dawn l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali jkunu jistgħu jsiru. Kemm-il darba l-Qorti tilqa’ t-talba biex ir-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa jkun jista’ jsir, allura jkun jagħmel sens li l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u r-referendum isiru flimkien.

Il-Ministru Owen Bonnici qal dan kollu waqt li kien qed iwieġeb mistoqsijiet ta’ Radio 101 matul konferenza tal-aħbarijiet dwar twaqqif ta’ fond mill-Gvern biex jgħin lill-Kunsilli Lokali jieħdu inizjattivi dwar proġetti kapitali sostenibbli fil-lokalità tagħhom.