Lokali

Il-GWU parti minn konsorzju interessat biex imexxi l-yacht marina ta’ Sa Maison

Il-General Workers Union hi parti minn konsorzju li tefa’ l-offerta ħalli jmexxi l-yacht marina ta’ Sa Maison. Il-gazzetta The Sunday Times of Malta lbieraħ irrapportat li l-GWU tefgħet l-offerta għall-kuntratt ta’ żvilupp u tmexxija tal-yacht marina għall-25 sena li ġejjin. Il-GWU, permezz ta’ waħda mill-kumpaniji tagħha, hi parti minn konsorzju magħruf bħala CGS.

Il-gazzetta nnutat li l-Financial Controller tal-GWU Robert Borg, li hu wkoll Direttur fiż-żewġ kumpaniji tal-Union (GWU Holdings u GWU Properties), inħatar mill-Gvern Laburista bħala Segretarju tal-Bord tad-Diretturi ta’ Transport Malta. Min-naħa tiegħu, dan il-Bord hu l-entità li se tieħu d-deċiżjoni aħħarija dwar liema konsorzju ikun rebaħ it-tender għal din il-yacht marina.

Mindu l-Partit Laburista kien elett fil-Gvern, il-GWU marret tajjeb fuq livell kummerċjali. Fil-fatt, il-GWU ingħatat tender minn Arms Ltd biex tikri uffiċċji fil-kwartieri tagħha fil-Belt. Barra minhekk, Transport Malta qablet ukoll li tikri bħala uffiċċji erba’ sulari mill-binja A3 Tower fil-Marsa mingħand il-GWU.

Filwaqt li l-Ministeru tal-Enerġija irrifjuta li jagħti dettalji dwar il-kuntratt bejn il-GWU u l-Arms, sar magħruf li Transport Malta qed tħallas lill-GWU €500,000 kull sena għall-ħames snin li ġejjin. Il-kuntratt bejn Transport Malta u l-GWU sar bil-possibbiltà wkoll li l-kuntratt ikun imġedded għal ħames snin oħra.