Il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel f’Malta huma s-suġġett li l-aktar qed jitkellmu n-nies dwaru għal dan il-bidu tas-sena l-ġdida. Bilkemm għaddiet ġimgħa mill-2015 li l-Gvern diġà jinsab f’nofs kontroversja sħiħa dwar il-prezzijiet tal-fuels f’pajjiżna. Media internazzjonali, fosthom Wall Street Journal u Reuters, irrappurtaw kif il-prezz taż-żejt jinsab l-anqas li qatt kien fl-aħħar snin, b’medja ta’ madwar $55 kull barmil. Dan jikkonfermawh ukoll il-prezzijiet ikkwotati fis-suq ta’ NASDAQ.
Madankollu, waqt li qed iseħħ dan kollu, id-diesel u l-petrol f’Malta naqsu b’1ċ u 2ċ rispettivament. Ftit tal-jiem ilu, il-Partit Nazzjonalista sejjaħ dan it-tnaqqis bħala wieħed miżeru quddiem il-prezz globali taż-żejt. Saħaq li hi daħqa f’wiċċ il-poplu Malti kif qed ikollu jħallas dawn il-prezzijiet, li huma fost l-ogħla fl-Ewropa.
Filfatt, stħarriġ juri kif 24 minn 27 pajjiż fl-Unjoni Ewropea għandhom prezzijiet orħos minn Malta għall-petrol, li għalih f’pajjiżna qed inħallsu €1.42 kull litru. Fi Franza, il-petrol hu ta’ €1.22 (20ċ orħos minna), filwaqt li f’Ċipru l-prezz hu ta €1.17 (25ċ inqas minn Malta). Lista twila ta’ pajjiżi Ewropej oħrajn li qed iħallsu ferm anqas minn Malta għall-petrol tinkludi lil Spanja (€1.15), il-Bulgarija (€1.13) u l-Ungerija (€1.04). Min-naħa tagħhom, fil-Polonja jħallsu anqas minn €1, tant kull litru petrol jiswa 92ċ (50c anqas minn Malta).
Anke pajjiżi li mhumiex parti mill-UE għandhom prezzijiet ferm orħos, fosthom l-Albanija (€1.22), is-Serbja (€1.09) u l-Marokk (€0.99).
Simili ħafna hi s-sitwazzjoni dwar id-diesel, fejn 25 minn 27 pajjiż fl-UE għandhom prezzijiet orħos mill-€1.35 kull litru f’pajjiżna. Fost dawn hemm l-Olanda (€1.29), il-Portugall (€1.19), il-Ġermanja (1.16), Spanja (€1.12) u l-Greċja (€1.06). Hemm ukoll il-Polonja (96ċ), kif ukoll il-Lussemburgu (99ċ) li niżlu taħt l-€1.
Fl-isfond ta’ dan kollu, il-Gvern Laburista jibqa’ jisraq lill-poplu Malti kull darba li l-familji u n-negozji jimlew il-vetturi tagħhom. L-imsieħba soċjali ngħaqdu wkoll fit-tħassib tagħhom dwar din is-sitwazzjoni, li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed tħalli effetti negattivi fuq il-poplu Malti u Għawdxi. Wieħed jistaqsi wkoll fejn qed imorru dawn il-flus kollha żejda li kull wieħed u waħda minna qed inħallsu għal fuels tagħna.
//= $special ?>