Lokali

Jaslu sal-quċċata tal-Muntanja Kilimanjaro

Se jingħataw flus biex titjieb  il-ħajja tat-tfal f’Gabella fl-Etjopja.

It-tim li din is-sena ħa sehem fl-isfida Kilimanjaro waslet fil-quċċata tal-muntanja Afrikana iktar kmieni dalgħodu. It-18-il membru huma kollha f’kundizzjoni tajba.

It-tim jinvolvi lil Annaliza Cauchi, Lara Barbuto, Justine Mangion, Nikita Taliana, Alishia Dimech, Stefania Buhagiar, Marthese Zerafa, Samantha Galea, Graziella Sant, Natasha Livori, Austin Cachia, Owen Vassallo, Daniel Farrugia, Brian Cremona, Karl Bartolo, Juan Ellul Pirotta, Chris Criminale and Keith Debattista.

Malli waslu fil-quċċata tal-muntanja, it-tim ħa ritratt simboliku li jfakkar dak li għadhom kemm kisbu. Fir-ritratt ħadu ħsieb jinkludu wkoll profil ta’ Nirvana Azzopardi, il-personalita’ televiziva li ftit xhur ilu mietet kawża tal-kanċer.

F’Lulju li għadda, it-tim kien ħabbar li, wara l-aħbar tal-mewt tagħha, se jsir impenn biex jinġabru €65,000 li permezz tagħhom se tkun qed titjieb il-ħajja tat-tfal f’Gabella fl-Etjopja.

Filfatt, dawk il-fondi nġabru u issa se jingħataw lil min hu fil-bżonn.

L-organizzatur ta’ din l-isfida, Keith Marshall, kellu kliem ta’ ringrazzjament għal kull min għen biex din l-isfida tintemm b’suċċess. Hu rringrazzja wkoll lil Alla u lil Moviment Missjunarju “Ġesu’ Fil-Proxxmu”.

Min hu nteressat, jista’ joffri donazzjoni billi jċempel:

  • 51502084 – € 5,
  • 51602028 – €10,
  • 51802095 – €25
  • jew inkella jibgħat SMS fuq 50617389 – €2.33 u 50618062 – €4.66.