Lokali

L-2015: sena importanti għall-PN

Is-sena li għaddiet kienet sena importanti ħafna għall-Partit Nazzjonalista. Sena li rat lill-Partit Nazzjonalista jikber fuq diversi fronti, bis-saħħa ta’ numru konsiderevoli ta’ emendi li twettqu fl-istatut.
Kien dan il-kliem tas-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said, f’intervista ma’ IN-NAZZJON, fejn gie mistoqsi dwar il-mod kif iħares lejn l-aħħar sena mil-lenti politika, kif ukoll il-miri politiċi tal-Partit għall-2015.

Issa li għadha kemm bdiet sena ġdida, il-Partit qed iħares ’il quddiem għal sena mill-aktar impenjattiva, sostna Chris Said. Sena li fi kliemu se tippreżenta sfidi ġodda u kbar għall-Partit Nazzjonalista, hekk kif din is-sena se timmarka t-tmiem ta’ nofs din il-leġiżlatura, u allura se tkompli tqarreb lill-Partit għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Is-sena li ġejja se tippreżenta wkoll sfida fuq livell lokali, hekk kif kandidati mill-Partit Nazzjonalista se jkunu qed jikkontestaw l-elezzjonijiet fuq 34 lokalità differenti.