L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) talbet lill-Pulizija Taljana f’Ruma biex tinvestiga serqa li saret mill-uffiċċji tal-MTA fil-kapitali Taljana. Hu mifhum li fil-jiem li għaddew persuna jew aktar identifikaw l-uffiċċji tal-MTA f’Ruma biex jagħmlu serqa ta’ flus u oġġetti minnhom.
Min irnexxielu jidħol f’dawn l-uffiċini ma sabx flus kontanti, iżda biss xi mobile phones u oġġetti oħrajn simili. L-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-MTA Paul Bugeja (ritratt) kkonferma ma’ MaltaRightNow.com li l-investigazzjonijiet mill-Pulizija Taljana għadhom għaddejjin wara li kienet rapportata lilhom din is-serqa.
Bugeja qal li din is-serqa saret propju fil-jiem meta l-uffiċini tal-MTA f’Ruma jkunu magħluqa minħabba l-vaganzi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena. Dawn jerġgħu jiftħu b’mod normali għall-pubbliku l-għada tal-Epifanija, li hi ċċelebtara ferm fl-Italja tant li hi osservata bħala jum ta’ btala.
L-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-MTA qal li min daħal fl-uffiċini, daħal għall-flus u oġġetti oħrajn moderni, tant li lanqas biss ta każ kompjuters antiki li hemm fil-post.
//= $special ?>