Internazzjonali

LIBJA: Attakkat tanker fil-port ta’ Derna

Hemm tanker qed jaqbad fil-port ta’ Derna wara li l-Ħadd kien attakkat minn ajruplani militari. F’dak l-attakk inqatlu żewġ membri tal-ekwipaġġ.
L-attakk twettaq minn ajruplani tal-Gvern f’Tobruk wara li l-moviment tal-vapur qanqal ċerti suspetti. Il-port ta’ Derna ilu għal dawn l-aħħar sentejn taħt il-kontroll tal-militanti Iżlamiċi u tul is-sena li għaddiet, il-port spiss kien attakkat mill-ajru.
Il-vapur hu l-Araevo u jidher li kien attakkat għaliex irrifjuta li jieqaf biex ikun spezzjonat qabel ma daħal il-port. Hu qal li l-vapur suppost trakka f’impjant tal-enerġija f’Derna imma minflok ħa rotta differenti u mbagħad daħal f’zona militari.
Abbord l-Araevo kien hemm 26 membru tal-ekwipaġġ mill-Greċja, il-Filippini u r-Rumanija. Apparti t-tnejn li nqatlu, kien hemm tnejn oħra li ndarbu.
It-tanker kien qed iġorr 12,600 tunnellata żejt u hu ta’ sidien Griegi imma għandu bandiera tal-Liberja.
Jidher li m’hemmx żejt ħiereġ mill-vapur.
Il-Ħadd ukoll sar attakk mill-ajru fuq l-ikbar impjant tal-azzar fil-Libja, dak f’Misurata. Dan l-attakk ukoll twettaq mill-forzi ta’ Tobruk.
Aktar f’IN-NAZZJON ta’ għada