Lokali

Owen Bonnici jikkonferma li ma talabx għat-tneħħija tal-Maġistrat Carol Peralta

Owen Bonnici, il-Ministru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, ikkonferma li meta oriġinarjament talab lill-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja biex tinvestiga dak li kien għamel il-Maġistrat Carol Peralta lejliet il-Milied tal-2013, hu ma kienx talab lill-istess Amministrazzjoni biex tara hemmx lok ta’ tneħħija tal-Maġistrat Carol Peralta.

Il-Ministru Bonnici reġa’ kkonferma l-pożizzjoni tiegħu dwar dak li kien għamel il-Maġistrat Carol Peralta fejn organizza festin tal-Milied fl-Awla tiegħu b’mistednin jixorbu u jpejpu – inkluż il-Maġistrat innifsu – bl-istorja tkompli tiżviluppa bl-istess Maġistrat Carol Peralta jordna lill-Pulizija jarrestaw ġurnalist li dak il-ħin tal-party mar fl-Awla biex jara dak li kien qiegħed isir.

Il-Ministru Owen Bonnici qal li hu għadu ddisgustat ħafna b’dak kollu li ġara dakinhar.

Fit-tweġibiet, il-Ministru qal li l-Kummissjoni titmexxa b’indipendenza assoluta mill-Gvern.

Il-Ministru Bonnici kompla li jekk dan ma jkunx hekk, allura l-Ġustizzja twassal biex jiddgħajfu l-Imħallfin u l-Maġistrati u dan iwassal biex id-demokrazija tikkrolla. Dan kollu jwassal għal sitwazzjoni fejn Imħallef jew Maġistrat ma jaqtax kawża kontra l-Gvern għax jibża’ li jispiċċa jkun iddixxiplinat.

Il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja qegħda hemm biex ħares id-demokrazija u għalhekk hi kummissjoni indipendenti mill-Gvern tal-ġurnata u hekk għandu jkun.

Il-Ministru Owen Bonnici kompla li din l-indipendenza ta’ din il-Kummissjoni tfisser li din l-istess Kummissjoni għandha responsabbiltà akbar fuq spallejha biex tara li l-affarijiet isiru bis-serjetà.

Hu kompla li l-Liġi kif inhi llum ma tippermettix li hu jkun jaf l-eżitu tal-investigazzjonijiet li jkunu qed isiru.

“Jien kulma għamilt kien li għamilt ilment quddiem il-Kummissjoni, iżda dan ma jagħtiniex il-fakultà jew il-possibbiltà li nkun naf x’sar mill-ilment li nkun ressaqt bħala ċittadin.”

Hawnhekk hu appella lill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja biex tħaffef u tgħaġġel il-proċess ta’ din l-investigazzjoni. Hu fakkar li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet biex ikun hemm riforma sħiħa ta’ din il-Kummissjoni.

Owen Bonnici hawnhekk enfasizza li hu ma kien għamel l-ebda talba jew mozzjoni għal impeachment tal-Maġistrat Carol Peralta.

“Kulma għamilt kien li bħala ċittadin ressaqt ilment biex tkun il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja biex tinvestiga dan il-każ. Dan hu ilment bħalma għandu kull dritt li jagħmel kull ċittadin ieħor. Jien ma għamilt l-ebda Mozzjoni ta’ Impeachment imma ilment.”

Hu temm li issa “rridu nistennew l-eżitu ta’ dak li se tasal għalih din il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja biex wieħed jara x’passi għandhom jittieħdu fil-konfront tal-Maġistrat Carol Peralta.”