Ma nstama’ xejn aktar dwar l-20 Kristjani Kopti li nħatfu, fl-aħħar jiem, mill-militanti Iżlamiċi li jinkludu membri tal-grupp Ansar al-Sharia li għandu r-rabtiet mal-moviment terroristiku Al-Qaida u li, fil-preżent, qed imexxi l-kampijiet għat-taħriġ ta’ ġellieda mal-Grupp Stat Iżlamiku (ISIS).
Filwaqt li ma daħlux rapporti ġodda dwar id-destin tal-priġunieri, il-każ kompla jżid l-allarm fost il-membri tal-minoranza Kristjana fil-Libja. Intant, is-sorsi qrib il-Gvern Libjan qalu li 13 minn dawn il-Kristjani, li ġejjin mill-Eġittu, spiċċaw f’idejn il-militanti fil-belt ta’ Sirte fejn kien trabba l-eks-dittatur Libjan, Muammar Gaddafi. It-tlettax jidhru li nħatfu fi tmiem il-ġimgħa, bl-identitajiet tagħhom ma jkunux żvelati.
Ingħad li l-aggressuri li daħlu ġo kumpless residenzjali kienu sseparaw lill-Kristjani (kollha rġiel) mill-Musulmani, b’talewwel jispiċċaw immanettjati u mkaxkrin ‘il hinn lejn destinazzjoni li ma kenitx magħrufa.
Fil-preżent, eluf ta’ Eġizzjani qed jaħdmu fil-Libja – fil-parti kbira fis-settur tal-bini – b’numru minnhom jisfaw maqtula fis-snin riċenti. Proprju l-ġimgħa l-oħra, koppja Eġizzjana kienet instabet maqtula fid-dar tagħha f’Sirte, bl-aggressuri aktar tard joqtlu lil binthom ta’ 13 il-sena li kienu ħatfuha ostaġġ.
Il-qtil seta’ kien immotivat bi skop reli;już, bil-minoranza żgħira tal-Kristjani fil-Libja ilha tesprimi l-biża’ akuta dwar l-estremiżmu Iżlamiku – b’mod partikolari ladarba żdiedu l-milizzji armati li qed jinfurzaw il-kontroll fuq ħafna zoni li l-Gvern m’għandux amministrazzjoni fuqhom.
Filwaqt li l-Libja għadha mifnija ‘bil-kriżi tal-Gvernijiet rivali’ – wieħed f’Tobruk (fejn sab refuġju l-Gvern rikonoxxut mill-Punent) u bl-ieħor appoġġjat mill-milizzji Iżlamiċi fi Tripli – għadhom qed jiċċirkolaw numru bla rażan ta’ armamenti fl-idejn li qed iżidu l-periklu għall-ħajja f’dan il-pajjiż.
Minbarra Sirte, hu minnu li Tripli, il-belt kapitali u Benghazi, it-tieni belt ewlenija tal-Libja huma kontrollati mill-milizzji li jinkludu elementi radikali li qed jiġġieldu għall-aktar kawżi estremisti tal-Iżlam.
Fi tmiem il-ġimgħa, ġellieda Iżlamiċi attakkaw u qatlu talanqas 15 il-suldat Libjan fil-belt ta’ Soknah, lejn ix-Xlokk ta’ Tripli, u fejn numru ta’ suldati spiċċaw imbiċċrin mill-aggressuri li ssemmew bħala alleati tal-ISIS.
Sadanittant, illum għandhom jibdew it-taħditiet sponsorjati min-Nazzjonijiet Uniti li huma intiżi lejn it-tmiem tal-vjolenza u l-istaġnar politiku li żammew il-Libja f’morsa għal dawn l-aħħar xhur.