Lokali

Raġel jissawwat mill-Pulizija

Il-Kummissarju jirreferi ilment dwar brutalita’

Il-Kummissarju tal-Pulizija, Michael Cassar, għadu kemm irrefera ilment dwar brutalita’ minn membri tal-Korp lil Maġistrat tal-Għassa wara li ġenitur kitiblu dwar każ li kien jinvolvi lil ibnu. L-aħbar kienet żvelata mill-gazzetta “The Times of Malta”.

F’dan l-istess ilment, il-ġenitur jiddeskrivi kif ibnu kien qiegħed ġewwa bar f’Paceville meta Pulizija mar ikellmu minħabba li kien qed ipejjep. Il-ġenitur qed jallega li l-Pulizija spiċċa rega’ jdejh fuq ibnu, immanetjah u tefgħu ġewwa vann, fejn kien imsawwat, tant li sofra minn fertiti f’rasu u f’sidru.

Fl-ittra, ir-raġel talab lil Kummissarju biex jikkunsidra dak li ġara, filwaqt li ssuġerixxa li jiġu nstallati kameras f’kull vann tal-Pulizija biex jaċċertaw li ma jseħħ l-ebda tip ta’ abbuż.

Cassar fi stqarrija qal li, biex jiżgura trasparenza totali u imparzjalita’, qed jgħaddi dan il-każ lil Maġistrat tal-Għassa biex issir l-inkjesta meħtieġa, speċjalment fid-dawl tal-feriti li allegatament ġarrab il-vittma.

Dan il-każ ikompli ma’ każ simili li seħħ f’Paceville ftit ġimgħat ilu, fejn raġel spiċċa allegatament imsawwat wara li ġibed ritratti ta’ Pulizija li allegatament kien ġewwa gentlemen’s club.