Immigrant illegali ta’ 21 sena mis-Somalja ġie kkundannat sentejn u tmien xhur ħabs wara li ammetta li pprova jisraq minn residenza fil-Marsa matul il-lejl u fil-ħin li l-membri tal-familja kienu reqdin. Kienu l-Pulizija mill-Iskwadra tar-Rapid Intervention Unit li raw lil Bashir Abdulahi Ahmed jilgħab mas-serratura tad-dar, li tinsab fi Triq is-Salib.
Is-Somalu, residenti fiċ-Ċentru Miftuħ tal-Marsa, ġie kkundannat tmien xhur ħabs fuq ir-reat li wettaq matul il-lejl li għadda għall-ħabta tas-2.15am. Hu ġie kkundannat sentejn ħabs oħra għal reat ieħor li kien wettaq is-sena li għaddiet, ukoll fuq każ serq, hekk kif f’Settembru 2014 kien ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.
Quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella, is-Somalu wieġeb li hu ħati tal-akkużi miġjubin kontrih, anke jekk qal li kien fis-sakra fil-ħin li kien fejn ir-residenza minfejn ipprova jwettaq is-serqa. Hu ammetta wkoll li sar reċidiv u li kiser ordni tal-Qorti. Għalih deher l-Avukat tal-Għajnuna Legali Benjamin Valenzia, filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Robert Vella.
//= $special ?>