Qorti

Sentenza sospiża għal Irlandiż li għamel ħsara f’karozza

Brendan Kelly, Irlandiż ta’ 24 sena minn Dublin, ġie kkundannat erba’ xhur ħabs sospiżi għal sena wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella li għall-ħabta tal-3.45am tal-bieraħ għamel ħsara fuq karozza fis-Swieqi, liema ħsara tammonta għal €200. Kelly ammetta wkoll li kien fis-sakra waqt li wettaq ir-reat, b’mod li ma setax jieħu ħsieb tiegħu nnifsu.

L-Ispettur Elton Taliana qal li l-imputat kien qed jixrob f’Paceville u kien involut f’argument. Qal li l-imputat mar lejn l-appartament tiegħu flimkien ma’ ħabib tiegħu. Hekk kif kien sejjer lura lejn l-appartament, hu ta daqqa fuq mera ta’ karozza. L-Ispettur qal li sid il-karozza, Anthony Cristina, sofra danni fil-karozza, li kienu jammontaw għal €200. Min-naħa tiegħu, l-akkużat ħallas mill-ewwel għal dan l-ammont u għadda l-flus lil Cristina.

Fis-sottomissjonijiet dwar il-piena, l-Ispettur Taliana qal li l-imputat ikkopera bis-sħiħ mal-Pulizija. Min-naħa l-oħra, l-Avukat Benjamin Valenzia qal li l-imputat ħallas lill-vittma u ammetta mill-ewwel. B’hekk, talab lill-Qorti tieħu kunsiderazzjoni ta’ dan kollu, kif fil-fatt għamlet.