Lokali

Tifel ta’ tliet snin iweġġa’ f’ħabta bejn tliet karozzi f’Ħal Qormi

Tifel ta’ tliet snin sofra feriti ħfief wara li kien involut f’ħabta bejn tliet karozzi f’Ħal Qormi. Fl-inċident, li seħħ għall-ħabta tal-11am fi Triq Ħal Luqa, kienu involuti vetturi tat-tip Skoda Octavia, vann Renault Kangoo u Toyota Passo.

It-tifel kien passiġġier ma’ żagħżugħa ta’ 27 sena minn Ħal Tarxien, li kienet qed issuq it-Toyota Passo. Min-naħa l-oħra, raġel ta’ 68 sena minn San Pawl il-Baħar u raġel ta’ 56 sena minn Ħ’Attard kienu qed isuqu l-vetturi Skoda u Renault rispettivament.

Mhux magħruf x’wassal għall-ħabta. Fil-post issejaħ tim mediku mill-Isptar Mater Dei li ta l-ewwel għajnuna lit-tifel qabel ma ttieħed l-Isptar bl-Ambulanza għal aktar kura. Hemm, hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn feriti ħfief.