Lokali

Anzjan isofri feriti gravi wara li waqa’ t-taraġ, jibqa’ mal-art il-lejl kollu

Anzjan ta’ 79 sena mis-Siġġiewi sofra feriti gravi wara li matul il-lejl li għadda waqa’ t-taraġ fir-residenza tiegħu. Madankollu, minħabba li l-anzjan jgħix waħdu, għamel sigħat twal sa dalgħodu mal-art sakemm dalgħodu nħareġ minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura.

Kienu l-ġirien tal-anzjan, li jgħix fi Triq San Ġakbu, li nnutaw li baqgħu ma rawx lill-anzjan għal bosta sigħat. Filfatt, il-ġirien ħasbu ħażin għax l-aħħar li raw lill-anzjan kien ilbieraħ waranofsinhar. Barra minhekk, dalgħodu huma semgħu xi krib ġej mid-dar tal-anzjan u għalhekk ċemplu mmedjatament għall-għajnuna.

Fil-post waslet Ambulanza, bit-tim mediku jagħti l-ewwel għajnuna lill-anzjan fil-post. Huma daħlu flimkien ma’ ħu l-anzjan, wara li l-Pulizija infurmawh bir-rapport li kienu għadhom kif irċevew. Aktar tard, l-anzjan ittieħed l-Isptar Mater Dei, fejn kien iċċertifikat li qed isofri minn feriti gravi minħabba l-ksur li ġarrab. Il-Pulizija tad-Distrett qed tinvestiga l-każ.