Residenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin lanqas biss qed jieklu l-ikel li jingħatalhom u qed jilmentaw li dan hu ħażin ħafna. Qariba ta’ wieħed mir-residenti tkellmet dwar dan ma’ MaltaRightNow.com. Hi qalet li l-qarib tagħha ilu xhur fil-Faċilità Korrettiva u tant qed jingħataw ikel ħażin li qed ikollha tieħodlu l-ikel hi. Bħalha qed jagħmlu wkoll qraba ta’ residenti oħrajn.
Madankollu, l-ikel tal-qraba qed idum ma jasal għand ir-residenti. Il-persuna li tkellmet ma’ MaltaRightNow.com qalet li minkejja li l-ikel ikun diġà ttieħed fil-Faċilità Korrettiva saħansitra mill-10am, dan qed jispiċċa jitwassal għand ir-residenti tard waranofsinhar. Dwar dan id-dewmien, il-qariba li tkellmet magħna qalet li ċerti Gwardjani bilkemm iridu jagħmlu xogħolhom sew.
Sadanittant, din il-qariba spjegat li din tal-ikel mhijiex l-unika problema li r-residenti u qrabathom qed jiffaċċjaw. Ikkummentat dwar il-ħmieġ fil-Faċilità Korrettiva, fosthom ukoll wirdien u ġrieden. Madankollu, u minkejja li tkellmet dwar dan, il-qariba qalet li l-awtoritajiet kienu arroganti magħha. Qalet li ġiet mhedda li jekk tibqa’ toġġezzjona, ma jħalluhiex tieħu ikel lill-qarib tagħha.
Il-qariba, li żammejna l-identità tagħha mistura, spjegatilna li minkejja li tirrikonoxxi li r-residenti żbaljaw, għalihom xorta jibqgħu nies prezzjużi u li għandhom jiġu rispettati b’dinjità.
//= $special ?>