Lokali Saħħa

Il-Gvern inaqqas l-għajnuna lil dawk li huma Coeliac

Persuni li huma Coeliac, jiġifieri li ma jistgħux jikkunsmaw prodotti li fihom il-qamħ, irċevew ittra mingħand il-Gvern, li tgħid li mhux se jibqgħu jingħataw il-prodotti li qabel kienu jingħataw b’xejn u li kienu jinġabru mill-Polyclinic ta’ Birkirkara. Minflok, kull xahar se jibdew jirċievu voucher ta’ €30 biex bihom ikunu jistgħu jixtru l-prodotti Gluten Free.

Persuni li huma Coeliac u li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com spjegaw kif jinsabu urtati għall-fatt li l-Gvern naqqsilhom l-ammont ta’ flus li qabel kienu jirċievu fi prodotti. Persuna li tkellmet magħna qalet li qabel kienu jingħataw diversi prodotti Gluten Free, fosthom dqiq, għaġin u crackers, li l-valur tagħhom kien jaqbez il-€100. Madankollu, issa l-Gvern se jibda jtihom €30.

Il-persuni li tkellmu magħna qalu wkoll li l-voucher li se jibdew jingħataw mhuwiex biżżejjed biex jixtru l-prodotti Gluten Free li bilfors ikollhom bżonn minħabba li tkun Coeliac hi meqjusa bħala marda kronika. Qalu wkoll li t-€30 li issa se jibdew jirċievu lanqas biss iservuhom biex jixtru prodotti għal ġimgħa meta qabel kienu jingħataw prodotti għal xahar.

Min-naħa tagħhom, il-persuni li tkellmu magħna qalu li jaqblu mas-sistema tal-voucher, għalkemm jaħsbu li l-valur għandu jiżdied sew. Anke l-Assoċjazzjoni għall-Persuni li huma Coeliac qed jappellaw lill-Gvern biex iżid l-ammont ta’ flus li jingħataw lil persuni b’din il-kundizzjoni. Barra minhekk, l-Assoċjazzjoni qed tappella lill-Gvern biex jerġghu jibdew id-diskussjonijiet magħha li kienu waqfu.