Mara tirrakkonta kif ħassitha intimidata bil-mistoqsijiet li baqgħu jagħmlulha ripetutament
Żvolta kerha għal tfajla li fis-sigħat bikrin ta’ dal-lejl spiċċat fl-Għassa tal-Qawra, wara telefonata li rċeviet mingħand il-Pulizija tad-Distrett, tard ilbieraħ filgħaxija.
Il-każ kien jinvolvi s-serqa li ħabbar dan is-sit ilbieraħ filgħaxija, b’filmati li juri żewġ persuni jisirqu minn stabbiliment tal-alkoħol fil-Qawra stess.
Dawn il-filmati qanqlu r-reazzjoni ta’ bosta, iżda fuq kollox ixprunaw il-ħidma tal-Pulizija biex isibu min kienu ż-żewġ individwi wara s-serq li jidher fil-filmat.
U f’nofs dan kollu, spiċċat involuta din it-tfajla, li wara li marret l-Għassa tard ilbieraħ filgħaxija, kienet interrogata mill-membri tal-Korp dwar dak li ġara.
F’kuntatt li għamlet ma’ dan is-sit, hi qalet li l-Pulizija kienu intimidanti, u bdew isaqsuha jekk ħarġitx minn darha fil-jum li seħħ il-każ. Tant kemm damu jistaqsu, tirrakkonta din il-persuna, li hi spiċċat kważi tiddubita lilha nnifisha, bil-mistoqsijiet kontinwi tal-Pulizija dwar x’kienet qed tagħmel f’dak il-jum.
Hi iddeskriviet din l-esperjenza bħala trawmatika, iktar u iktar hekk kif, għall-ħabta tas-2am, il-Pulizija qalulha li tista’ tmur id-dar.
Hi ssaqsi għaliex kien hemm bżonn li l-Pulizija joħorġuha minn darha biex isaqsuha l-mistoqsijiet, u jippersistu daqshekk bil-mistoqsijiet tagħhom minkejja li hi kienet qed tgħidilhom il-verita’.
Finalment, wara ħidma kontinwa tal-Pulizija u wara li tkellmu ma’ diversi persuni, il-Pulizija rnexxielhom jaqbdu lil min kien involut fis-serqa, imma din il-mara tgħid li xorta waħda ma tistax temmen b’dak li kellha tgħaddi minnu matul il-lejl li għadda.
Tweġiba mill-Korp tal-Pulizija skont il-Liġi tal-Istampa:
Jirriżulta li fil-fatt din il-persuna ġiet mitluba tmur l-Għassa tal-Qawra għall-ħabta tad-9pm u ġiet mitkellma mill-Pulizija għal madwar 20 minuta, fejn wara li ġew verifikati xi fatti, ġiet infurmata li setgħet titlaq. Madankollu għal raġunijiet tagħha, hi għażlet li tibqa’ l-Għassa tistenna persuna oħra. Sussegwentement il-każ ġie anke solvut u sejrin jitressqu xi nies il-Qorti.