Lokali

“Immultati inġustament” – xufiera jitkellmu ma’ dan is-sit

Fi Triq Diċembru 13, karreġġjata li qabel kienet qed tintuża mill-vetturi kollha li jsuqu fid-direzzjoni lejn il-belt Valletta, issa reġgħet infetħet għall-karozzi tal-linja. Dan wara li tlestew ix-xogħlijiet relatati ma’ din it-triq.

Biss, numru ta’ persuni li ċemplulna, irrappurtaw b’rabja kif, wara li għall-żmien twil il-vetturi kienu qed ikollhom jgħaddu mill-bus lane minħabba x-xogħlijiet fit-triq, l-awtoritajiet issa ma weħlux tabelli ċari li juru li r-regoli f’din it-triq reġgħu lura għan-normal.

Sitwazzjoni li qed twassal għal problema konsiderevoli għal min qed isuq minn din it-triq.

Ix-xufiera li tkellmu magħna qalu li l-ikbar “inġustizzja” tinsab fil-fatt li l-Pulizija tat-traffiku, minflok qed ikunu fuq quddiem tat-triq biex jidderrieġu t-traffiku skont il-karreġġjati apposta, qed jinħbew mad-dawra tat-triq, u mbagħad iwaqqfu u jimmultaw lil kull min qed jgħaddi mill-bus lane, bix-xufiera jitwaqqfu f’konfużjoni għax ma kellhomx ċans jaraw it-tabelli li tweħħlu fl-aħħar jiem.