Lokali

Kuntrarjament għal Manwel Mallia, il-Ministru Carmelo Abela għandu jippubblika l-eżitu ta’ żewġ inkjesti

… waħda dwar il-każ ta’ Darryl Luke Borg u l-oħra dwar meta Pulizija kien aggredit fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Ħaż-Żabbar

Il-ġurnal In-Nazzjon dalgħodu formalment stieden lil Carmelo Abela, il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, biex minnufih jippubblika l-eżitu ta’ żewġ inkjesti li saru aktar minn sena u nofs ilu u li l-eżitu tagħhom sa llum għadu ma kienx ippubblikat.

L-eks Ministru Manwel Mallia, għal raġunijiet li jafhom hu u dawk li kellu madwaru biss, qatt ma ppubblika x’ħareġ minn dawn iż-żewġ Inkjesti – jiġifieri mill-Inkjesta li kienet saret dwar il-każ ta’ Darryl Luke Borg, u dwar il-każ meta persuna daħlet fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Ħaż-Żabbar u aggrediet Pulizija li kien hemm fl-istess Għassa.

Il-każ ta’ Darryl Luke Borg imur lura għas-sajf tas-sena 2013 u jirrigwarda l-arrest tiegħu b’konnessjoni ma’ allegat hold-up. Fil-fatt eventwalment dan iż-żagħżugħ kien tressaq il-Qorti u kien akkużat b’dan ir-reat. Eventwalment, grazzi għall-Ispettur Elton Taljana, kien tressaq il-Qorti l-persuna li verament kienet wettqet il-hold-up. Kien grazzi wkoll għall-Ispettur Elton Taljana li l-Qorti kienet infurmata li ż-żagħżugħ Darryl Luke Borg, li kien tressaq il-Qorti minn Spetturi oħra, kien jinsab il-Ħabs għal xejn. Fil-fatt Daryl Luke Borg kien diġà qatta’ lejl fil-Ħabs inġustament.

It-tieni inkjesta hi dik dwar il-każ ta’ Josmar Agius – li ismu qiegħed ikun pubblikat fil-ġurnali għall-ewwel darba llum – b’rabta mal-każ tas-7 ta’ Ġunju li għadda meta daħal fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Ħaż-Żabbar u aggredixxa Pulizija li kienu hemmhekk, fosthom lil Surġent.

Dwar dan il-każ il-Pulizija kienu fformulaw numru ta’ akkużi fil-konfront ta’ Josmar Agius, filwaqt li f’Awwissu tal-2013 l-eks Kummissarju Pietru Pawl Zammit kien ordna li l-passi li kienu se jittieħdu kontra Josmar Agius ikunu sospiżi.

Żvilupp ieħor stramb f’dan il-każ seħħ f’Diċembru tal-istess sena meta l-eks Kummissarju tal-Pulizija Pietru Pawl Zammit issa ordna biex l-akkużi li kienu saru kontra Josmar Agius ikunu mwaqqgħa!

F’Novembru li għadda l-Oppożizzjoni, fil-Parlament, kienet ressqet Mozzjoni biex dawn iż-żewġ inkjesti jkunu ippubblikati. Sa llum din il-Mozzjoni għadha ma kenitx diskussa!