Internazzjonali Kurżitajiet

L-adoloxxenti tal-lum għandhom inqas ħbieb minn 20 sena ilu

Ir-riċerka turi li l-adoloxxenti tal-lum għandhom inqas ħbieb minn 20 sena ilu – u dan minkejja l-popolarita’ dejjem tiżdied tal-media soċjali.

Studju li sar minn esperti fl-Universita’ ta’ Queensland fl-Awstralja, sab li l-adoloxxenti jħossuhom inqas waħidhom minn 20 sena ilu – iżda għandhom qafas soċjali ifqar.

Studju li sar fost 285,000 student li jattendu l-iskola post-sekondarja fl-Istati Uniti u li sar bejn l-1991 u l-2012, sab li ż-żgħażagħ għandhom inqas ħbieb ma’ min jikkomunikaw, u għandhom inqas xewqa li jkollhom aktar ħbieb.

L-awturi wara l-istudju, kitbu: “Opportunitajiet ekonomiċi akbar joffru lill-individwi aktar spazju biex imexxu flushom, jiddeċiedu ma’ min joħorġu u jiddeċiedu lil min se jiżżewġu, inaqqsu l-influwenza tal-qraba u jagħtu lin-nies aktar awtonomija, li tista’ twassal għal aktar individwaliżmu.

‘Il-bidliet ekonomiċi jwasslu għal żieda fl-individwaliżmu’, li jista’ jwassal għal nuqqas ta’ interess fil-ħbieb, aktar egoiżmu, żieda fis-self-esteem u f’nuqqas ta’ solitudni.’

Ir-riċerkatur David Clark qal li aktar riċerka dwar il-kulturi ‘l barra mill-Istati Uniti tista’ tgħin sabiex ikun stabbilit jekk il-progress modern hux qed ikun l-għerq tar-riżultati osservati.

Hu qal li “jekk kulturi oħrajn juru l-istess qafas ta’ nuqqas ta’ solitudni fid-dawl ta’ komunikazzjoni soċjali aktar fqira, dawn allura jappoġġjaw l-idea li l-progress modern hu l-ħati.’

Ir-riżultati ġew wara li serje ta’ studji wrew li l-użu dejjem jikber ta’ media soċjali kellu effett negattiv fuq il-kwalita’ tal-ħbiberiji tan-nies.

Studju li sar mis-soċjologi fl-2006 fi Duke University ukoll wera li, bħala medja, ħafna mill-adulti għandhom biss żewġ persuni ma’ min jitkellmu dwar l-aktar suġġetti importanti f’ħajjithom, filwaqt li kwart tagħhom wieġbu li ma kellhom lil ħadd ma min jitkellmu.