Lokali

L-appartamenti l-aktar komuni f’pajjiżna

L-aktar tip ta’ abitazzjoni komuni f’pajjiżna hi appartament, segwita minn djar semi-detached u mezzanin. Dan ħareġ minn stħarriġ tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), li wera wkoll kif ftit anqas minn terz tal-propjetajiet għandhom ħamest ikmamar.

L-istatistika uriet ukoll li 28% tal-abitazzjonijiet jilqgħu fihom żewġ persuni, filwaqt li 22.8% jilqgħu fihom persuna waħedha u 8.3% jilqgħu ħames persuni jew aktar. L-NSO qed jgħid li aktar minn 75% tal-abitazzjonijiet huma mixtrija, b’59.5% huma mingħajr ipoteka.

Fatt interessanti li joħroġ minn din l-istatistika turi kif mhux id-djar kollha għandhom sett tat-telefon, televixin tal-kulur u washing machine, tant li skont l-NSO huma 95% li għandhom dawn it-tliet aċċessorji. Barra minhekk, 27.1% qalu li m’għandhomx kompjuter, filwaqt li 18.5% qalu li m’għandhomx karozza. Minn dawn, anqas minn 4.1% biss qalu li m’għandhomx kompjuter jew karozza għax ma jaffordjawhomx.

Dwar l-ikel, 85.6% tar-residenti qalu li jaffordjaw jieklu ikliet bit-tiġieġ, bil-laħam, bil-ħut jew bil-ħaxix kull jumejn. Filwaqt li aktar minn 75% qalu li jaffordjaw iżommu d-dar sħuna b’mod adegwat fix-xhur kesħin tax-xitwa, l-istess ammont qalu li ma jeskludux li jkollhom spejjeż finanzjarji mhux mistennija. Nofs dawk li wieġbu l-istħarriġ qalu wkoll li ma jaffordjawx imorru vaganza ta’ ġimgħa darba fis-sena barra minn xtutna.

Sadanittant, l-istess stħarriġ wera wkoll kif ir-rata ta’ persuni fir-riskju tal-faqar baqa’ madwar 15.7%, filwaqt li dawk fir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali baqgħet ta’ madwar 24%.