Lokali

L-iżvilupp għandu jsir bil-għaqal u b’mod sostenibbli – Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent

B’referenza għall-proposta rrapurtata fl-aħħar xhur li jsir żvilupp fuq il-kosta fin-naħa t’isfel ta’ Malta biex jinbnew mill-inqas żewġ lukandi u promenade minn Żonqor Point sa Smart City, il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent fi stqarrija qalet li tistenna li f’pajjiż bħal Malta l-ispazju jitqies bħala riżorsa importanti bl-iżvilupp isir b’għaqal u b’mod sostenibbli.

Il-Kummissjoni qalet li immaniġġjar għaqli għandu jsir f’qafas ta’ strateġiji li jintegraw diversi bżonnijiet u jiżguraw il-ġid komuni. B’hekk ma jkunux repetuti żbalji li saru fil-passat.

Il-Kummissjoni qalet li jidher li pajjiżna reġa’ għandu quddiemu attentat ieħor sabiex art li fiha m’għandux iseħħ żvilupp (ODZ), tkun issagrifikata. Saħqet li dan qed ikun ġustifikat minħabba l-benefiċċju ekonomiku u l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda, iżda sostniet li Malta ma daħlitx fi kriżi ekonomika meta rebħet ir-raġuni u proġetti simili għal dawn ma sarux.

Il-Kummissjoni żiedet li hija skantata li waħda mir-raġunijiet li ssemmew biex jiġġustifikaw dan il-proġett hi li din l-art hija mħarbta. Sostniet li jekk dan l-argument kellu jiġi aċċettat, allura wieħed jistenna li min għandu għal qalbu l-iżvilupp sostenibbli tal-lokalità, jipproponi r-restawr ekoloġiku taż-żona li jinkludi r-riabilitazzjoni tal-lukanda Jerma Palace.

L-istqarrija tal-Kummissjoni tagħmel għadd ta’ mistoqsijiet. Il-Kummissjoni temmet li strateġiji li jintegraw diversi bżonnijiet u jiżguraw il-ġid komuni huma bżonnjuzi biex jipproteġu l-iżvilupp ta’ din l-industrija mill-interessi ta’ min irid jinqeda biss biha.