Lokali

L-MHRA tikkritika l-azzjoni industrijali tal-cabin crew tal-Air Malta

Fi stqarrija l-Assċojazzjoni tal-Lukandiera u r-Ristoranti , l-MHRA kkritikat l-azzjonijiet industrijali mill-membri tal-cabin crew tal-Air Malta. Fl-aħħar jiem, l-Union li tirrappreżenta lill-membri tal-ekwipaġġ tal-Air Malta irreġistrat tilwima industrijali mal-Air Malta hekk kif l-cabin crew gew infurmati li se jservu l-ilma u l-baguette, iżda mhux se joffru t-trolley service bl-ikel u x-xorb l-ieħor li l-passiġġieri jistgħu jixtru. Minn barra dan, l-membri tal-ekwipaġġ ġew mgħarrfa li anke’ huma bħala ikla se jingħataw ‘baguette u flixkun ilma’ u ġew mgħarrfa wkoll li jekk iridu jieklu aktar minn hekk, setgħu jieħdu magħhom mid-dar.

L-MHRA rreferiet għall-azzjonijiet industrijal mill-membri tal-cabin crew u sostniet li dawn se jkomplu joħolqu diffikultajiet lill-Air Malta li jistgħu jwasslu biex jintiflu l-impjiegi tagħhom stess jekk l-Air Malta tfalli. L-MHRA sostniet li min qed jagħmel dawn l-azzjonijiet irid jerfa’ r-responsabbilità ta’ konsegwenzi serji ħafna mhux biss fuq l-linja tal-ajru imma anke fuq l-ekonomija, inkluż is-settur turistiku.
L-MHRA qalet li l-persuni li qed jieħdu dawn l-azzjonijiet ghandhom juru iktar rispett lejn is-shareholders tal-Air Malta li fuq kollox huma l-Maltin rappreżentati mis-sehem tal-Gvern, li ħareg €150 miljun ewro biex isalva l-impjiegi tagħhom. L-assoċjazzjoni sahqet li mhux aċċetabbli li jittieħdu azzjonijiet bħal dawn minn persuni li l-pajjiż ħallas prezz għoli ħafna biex isalva l-impjieg tagħhom.
L-MHRA qalet li ma tifhimx r-reżistenza li qed juru xi stakeholders f’dan il-qasam li huma stess ikunu affetwati ħażin jekk ifalli l-pjan ta’ ristrutturar li qed tingħata ċ-ċans li tagħmel l-Air Malta.
L-MHRA qalet li l-industrija tal-linji tal-ajru inbidlet b’mod drastiku minn meta twaqqfet l-Air Malta fl-1974. L-MHRA saħqet li r-realtajiet tal-lum jitolbu li linja tal-ajru tagħmel ristrutturar effettiv inkella tfalli kif ġara b’xi legacy airlines fl-aħħar snin.