Lokali

Reazzjoni negattiva għad-deċiżjoni tal-Gvern Malti

Propju fil-mument li l-Nazzjonijiet Magħquda tinsab impenjata biex tinstab soluzzjoni bejn iż-żewġ Gvernijiet fil-Libja, dak ta’ Tripli u dak ta’ Tobruk, il-Gvern Malti għażel li jirrikonoxxi biss lill-Gvern ta’ Tobruk.

Dan ġab reazzjoni negattiva mill-gvern Libjan ta’ Tripli, li jamministra 90% tal-pajjiż, fosthom il-postijiet amministrattivi ewlenin tal-pajjiż.

Fl-aħħar ġranet din il-kwistjoni ġabet anki qasma bejn il-komunuita Libjana f’Malta, fejn il-Gvern Libjan ta’ Tripli qed jopera mill-Ambaxxata Libjana ta’ Ħ’Attard waqt li l-Gvern Libjan ta’ Tobruk fetaħ konsulat f’Ta’ Xbiex.

Din il-kwistjoni kienet suġġett ta’ konferenza tal-aħbarijiet minn Alleanza Bidla fejn Ivan Grech Mintoff, iċ-Chairman tal-Alleanza, espriema pożizzjoni favur il-Gvern Libjan ta’ Tripli u kkritika bil-qawwi l-pożizzjoni tal-gvern Malti li minkejja l-politika ta’ newtralita’, għażel li appoġġja lill-Gvern ta’ Tobruk. Dan meta l-Qorti Suprema Libjan ddikjarata li l-Gvern leġittimu Libjan hu dak ta’ Tripli.

Ivan Grech Mintoff qal li hu suspettuż il-mod kif il-gvern Malti ħareġ avviż biex ħadd ma jivvjaġġa lejn il-Libjan, meta grupp ta’ ġurnalisti Maltin kienu sejrin il-Libja fuq stedina tal-gvern ta’ Tripli.

Ivan Grech Mintoff qal li pajjiżi bħall-Ingilterra, l-Italja u l-Ġermanja qed jirrikonoxxu lill-Gvern ta’ Tripli fejn l-Italja anki fetħet ambaxxata fi Tripli. Jirriżulta wkoll li l-UE mhix tirrikonoxxi lill-gvern ta’ Tobruk, sostna Ivan Grech Mintoff.

Filwaqt li rrikonoxxa li s-sitwazzjoni fil-Libja hi waħda fluwida, Ivan Grech Mintoff qal li l-Gvern Malti għandu jkun impenjat li jipprova jlaqqa’ liż-żewġ gvernijet Libjani f’Malta biex tinstab soluzzjoni.

L-Alleanza Bidla tinsisti li l-Gvern leġittimu Libjan hu dak ta’ Tripli għaliex dan hu l-gvern li jrid il-poplu. Ivan Grech Mintoff sostna li l-pożizzjoni li qed jieħu l-gvern Malti favur il-gvern ta’ Tobruk hi żbaljata u inkwetanti ħafna għall-pajjiż kemm mill-aspett poliitku kif ukoll minn dak kummerċjali.

Fl-aħħar żviluppi fil-Libja l-kumpanija Torka Turkish Airlines issospendiet it-titjiriet lejn Misrata. Dan wara l-inċertezza li hemm bħalissa fil-pajjiż u l-konflitt bejn fazzjonijiet u ż-zewġ gvernijiet.

Intant, fi stqarrija, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin f’isem il-Gvern Malti jgħid li filwaqt li jemmen fil-libertà tal-kelma u tal-espressjoni, iħoss li għandu r-responsabbiltà li jiċċara allegazzjonijiet u stqarrijiet żbaljati u li jiżgwidaw, li saru f’konferenza tal-aħbarijiet li ngħatat minn organizazzjoni ġdida msejħa Alleanza Bidla.

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin qal li mhux se jidħol fil-mertu tat-twemmin li tħaddan din l-Alleanza, imma jrid jiddikjara li l-Gvern Malti, fl-ebda ħin u fl-ebda dikjarazzjoni, ma għamel stqarrijiet żbaljati u m’għamel lanqas stqarrijiet “verament tal-biża’ u mimlija miżinformazzjoni”, kif allegat mill-kelliem tal-Alleanza.

Il-Gvern Malti ripetutament iddikjara li l-interess aħħari tiegħu huwa li jara l-għaqda fi ħdan il-poplu Libjan u għal dan il-għan għandu rekord ta’ koperazzjoni u involviment fl-inizjattivi u l-attentati kollha li saru s’issa kemm mill-Unjoni Ewropea kif ukoll mir-rappreżentant tal-Ġnus Maqgħuda, Bernardino Leon, biex dan iseħħ.