Qorti

Sentenza sospiża wara li kisser ħġieġa ta’ karozza u seraq oġġetti minnha

Somalu ta’ 20 sena mar 16-il xahar ħabs li iżda ġew sospiżi għal 18-il xahar, wara li ammetta li seraq diversi oġġetti minn karozza, fosthom “lunch box”.

Il-każ seħħ it-Tnejn li għadda għall-ħabta tat-8.15pm fil-Marsa.

Abdiqani Mahad Mohamed, li ma għandux indirizz fiss, kien ma’ persuna oħra fil-Marsa u ftehmu li jisriqu karozza u kissru l-ħġieġa tan-naħa tax-xufier permezz ta’ ġebla. Wara huma serqu diversi oġġetti li ma tantx għandhom valur, fosthom lunch box.

Quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke, Mohammed ammetta li flimkien ma’ persuna oħra seraq diversi oġġetti minn karozza u li għamel ħsara fl-istess karozza. Mill- provi rriżulta li l-Pulizija qed tinvestiga lill-persuna l-oħra li allegatament ipparteċipat fis-serqa. Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Robert Vella, filwaqt li għall-imputat deher l-Avukat Noel Bartolo.