Raġel Belġjan u żagħżugħa Taljana ġew arrestati mill-Pulizija wara li ġew solvuti seba’ serqiet, fosthom attentati, f’Għawdex. Ir-raġel ta’ 37 sena u ż-żagħżugħa ta’ 21 sena kienu arrestati wara li Pulizija mis-Sezzjoni tat-Traffiku segwiehom meta ppruvaw jisgassaw bieb tal-ħanut Play Pen fi Triq Putirjal.
Kif żvela MaltaRightNow.com ilbieraħ waranofsinhar stess, għall-ħabta tat-3.30pm iż-żewġ barranin ippruvaw jidħlu fil-ħanut iżda sabu ma’ wiċċhom lil sid l-istabbiliment. Kif raw hekk, huma ħarbu mill-post, iżda kienu segwiti minn Pulizija mis-Sezzjoni tat-Traffiku li nzerta għaddej mit-triq u li ra liż-żewġ persuni suspettużi.
Il-Pulizija segwa liż-żewġ persuni, li min-naħa tagħhom marru jiġru f’direzzjonijiet differenti. Il-Belġjan kien arrestat fil-bitħa ta’ fabbrika tal-madum, li tinsab fi Triq Pompei, fejn kien mar biex jistaħba. Mal-arrest tiegħu, ġiet identifikata wkoll iż-żagħżugħa Taljana, li mbagħad ġiet arrestata wkoll. Huma mistennija jitressqu l-Qorti fil-jiem li ġejjin.
Mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija rriżulta li minbarra dan l-attentat ta’ serqa, iż-żewġ barranin kienu involuti wkoll fi tliet serqiet u żewġ attentati oħrajn ilbieraħ stess fir-Rabat, kif ukoll żewġ serqiet oħrajn ix-xahar li għadda f’Għajnsielem.
//= $special ?>