2.50pm: Mara ta’ 44 sena qed issofri ġrieħi ħfief wara inċident tat-traffiku li seħħ ftit għall-ħabta tas-1.50pm fi Triq Mikiel Anton Vassalli, ftit ‘il bogħod mit-traffic lights ta’ Paceville.
Jirriżulta li l-inċident beda minn żagħżugħ ta’ 20 sena li kien qed isuq karozza tat-tip Volkswagen Polo, meta għal xi raġuni tilef il-kontroll tal-vettura. Kawża ta’ dan, hu ħabat ma’ barrier, qabeż is-central strip u ħabat ma’ vettura tat-tip Volkwagen Golf, misjuqa mill-mara.
Mal-impatt mal-vettura tal-vittma, il-vettura taż-żagħżugħ baqgħet iddur fuqha nfisha qabel ma laqtet ukoll vettura oħra, tat-tip Toyota Yaris. Il-vettura taż-żagħżugħ waqfet biss wara li ħabtet mal-ħajt.
Aktar kmieni …
1.55pm: Mill-anqas persuna waħda weġgħet f’inċident tat-traffiku f’San Ġiljan. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-1.50pm ħdejn it-traffic lights li jagħtu għal Paceville, fid-direzzjoni ta’ Pembroke. Mill-ewwel informazzjoni li għandu MaltaRightNow.com jirriżulta li kawża tal-inċident, mara nqabdet fil-vettura tagħha u kellha tingħata l-għajnuna biex setgħet tinħareġ.
Fil-post wasal ukoll tim mediku mill-Isptar Mater Dei, li wara li ta l-ewwel għajnuna lill-persuna fil-post, wassalha l-Isptar għal aktar kura. Għalkemm għadha mhux magħrufa l-kundizzjoni tal-persuna feruta, l-informazzjoni li għandna tgħid li l-mara ma tinsabx fil-periklu li titlef ħajjitha. Kawża tal-inċident, parti minn din it-triq bħalissa tinsab magħluqa għat-traffiku.
(Ritratti: Lisa Spiteri / Martin Agius)
Aktar informazzjoni u ritratti dalwaqt …
//= $special ?>