Editorjal

Editorjal: €1,000 fil-ġimgħa aktar għall-Prim Ministru li jipprova jinħeba

L-aħbar importanti tal-Ħadd li għadda dwar il-ħabi fit-tul mill-Prim Ministru ta’ rapport li qabbad hu stess li jsir dwar il-paga tiegħu u ta’ sħabu l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari turi xi ħaġa importanti wkoll dwar Joseph Muscat: kemm hu falz.

Muscat jibki d-dmugħ tal-kukkudrilli
Dan hu Prim Ministru li kien għamel kampanja – li rnexxietlu ħafna – meta l-Gvern ta’ qabel kien ħa deċiżjoni li wara reġġagħha lura li l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari jibdew jieħdu l-ħlas bħala membri parlamentari.

Wiegħed ċar li ma jieħu l-ebda żieda
Joseph Muscat kien ippoppa u ppoża ħafna u beka ħafna dmugħ tal-kukkudrilli għal dik id-deċiżjoni. Wiegħed ukoll b’mod solenni ħafna fil-programm elettorali tiegħu f’paġna 160, kapitlu 18 punt 8, li Gvern Laburista ma jagħti l-ebda żieda lill-Prim Ministru u lill-Ministri u s-salarji jibqgħu kif kienu qabel.

Muscat jinħeba wara kumitat li waqqaf hu stess
Minkejja dak il-plejtu kollu, fl-istess nifs Joseph Muscat wara li sar Prim Ministru waqqaf kumitat biex jara x’għandhom jitħallsu hu u l-Ministri. Dal-kumitat xogħlu lestieh ilu hafna u anke kiteb rapport lill-Prim Ministru, imma Joseph Muscat bil-mod tipikament falz tiegħu u bil-ħabi tipiku tiegħu żamm dar-rapport moħbi ghal hafna zmien min-nies.

Żieda ta’ 1,000 ewro fil-ġimgħa għall-Prim Ministru
Imma l-Independent nhar il-Ħadd li għadda kixfet il-maskra u l-ħabi ta’ Joseph Muscat u ppubblikat dak li Muscat żamm moħbi ghal tant zmien. Il-kumitat li waqqaf Muscat stess qed jirrakkomanda żieda għall-Prim Ministru ta’ 1,000 ewro fil-ġimgħa. Il-kumitat imwaqqaf minn Muscat stess jirrakkomanda wkoll żidiet għall-Ministri u s-Segretarji Parlamentari li jiġu saħansitra aktar mill-onorarja tal-membri parlamentari.

Il-Prim Ministru l-aktar li se jiżdied – imma lilek jagħtik l-anqas żieda fi 30 sena
Ir-rapport moħbi mill-Prim Ministru ghal hafna zmien juri li l-aktar li se jiżdied hu propju l-Prim Ministru – Prim Ministru li lilek jagħtik 58 cents żieda imma hu jaħbi rakkomandazzjoni għal żieda lilu nnifsu ta’ 1,000 ewro fil-ġimgħa; Prim Ministru li lilek iżommlok il-petrol u d-diżil għoljin imma hu se jkun tħallas 70,000 ewro oħra sa tmiem dil-leġiżlatura biex isuq il-karozza tiegħu stess.

Prim Ministru falz
Il-Gvern ta’ qabel kien għamel żball li ammettieh, reġġgħu lura u l-Ministri kienu taw kollox lura – bil-kontra tal-gideb tal-Prim Ministru Muscat dan l-aħħar. Hu l-Prim Ministru Muscat li hu tassew ipokrita u diżonest li, minkejja tant dmugħ tal-kukkudrilli u ppużar u ppuppar qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali, issa ilu ghal hafna zmien jaħbi rapport imqabbad minnu stess biex il-Ministri jieħdu żieda saħansitra aktar minn dik imreġġgħa lura qabel, u l-Prim Ministru jkun l-aktar li jiżdied – żieda ta’ 1,000 ewro fil-ġimgħa. Ħabi li jikkonferma kemm hu falz il-Prim Ministru Muscat.