Il-crew kollu tal-linja tal-ajru Fly Hermes ħalla Malta dalgħodu lura lejn Sqallija. Il-crew kien abbord il-catamaran li dalgħodu salpa lejn Pozzallo.
Dan wara li numru ta’ persuni tħallew l-art wara li titjira tal-kumpanija tal-linja tal-ajru ġdida Maltija operata minn familja minn Sqallija Fly Hermes tħassret.
Fly Hermes topera titjiriet ta’ kuljum minn Malta, lejn Comiso fi Sqallija u Turin fl-Italja, u lura. Filfatt it-titjira mħassra kkaważat problemi u ħalliet nies l-art fit-tliet ajurporti rispettivi.
Din kienet it-tieni darba fl-aħħar jiem li l-kumpanija Fly Hermes ħalliet in-nies l-art wara l-każ ta’ lejliet l-Ewwel tas-Sena.
Din il-problema wasslet biex numru ta’ persuni kellhom isibu titjiriet oħra ta’ linji tal-ajru differenti biex jaslu fid-destinazzjoni tagħhom. Ilmentaw li ħadd ma nfurmahhom li t-tijiriet tagħhom pew ikkanċellati u skoprew dan malli waslu fl-ajruport minn fejn kellhom jitilqu.
Filfatt fl-Italja għad hemm maqbuda numru ta’ persuni, fosthom żgħażagħ Maltin li marru Turin għal-logħba bejn Juventus u Inter li ntlagħbet ilbieraħ. Malli waslu l-ajruport huma qattgħu sitt sigħat jistennew, bit-titjira tiġi posposta minn ħin għall-ieħor.
Finalment, wara sitt sigħat jistennew, il-monitors fl-ajruport tellgħu l-kelma ‘cancellato’ maġenb it-titjira tagħhom. Fl-ajruport ta’ Comiso kien hemm rabja kbira wara li persuni li kienu ħallsu mijiet ta’ ewro biex imorru Turin għal din il-logħba spiċċaw bla mezz ta’ trasport.
Jirriżulta li l-problema nħolqot minħabba li l-uniku ajruplan li tuża l-kumpanija, Boeing 737-4K5, żviluppatlu ħsara u ma ttajjarx sakhemm issirlu t-tiswija meħtieġa.
Jidher li l-ajruplan kellu qasma fil-pressure bulk head tiegħu, li hi parti minn wara tal-ajruplan.
//= $special ?>