Lokali

F’San Pawl il-Baħar: Attenti għat-toqba!

F’San Pawl il-Baħar sabu mod innovattiv kif tinġibed l-attenzjoni tas-sewwieqa li jkunu għaddejjin mit-triq prinċipali ta’ San Pawl il-Baħar għal periklu kkawżat minn ħofra fonda u perikoluża.

Imma filwaqt li l-ħofra tgħattiet minn kaxxa tal-kartun, u forsi din ix-xena hi tad-daħq, imnalla kienu l-persuni li fuq inizjattiva personali tagħhom iddeċidew li jgħattu l-ħofra u jevitaw il-periklu lis-sewwieqa.

Din il-ħofra kienet ikkawżata wara li ċediet inspection box ta’ kumpanija privata li ġiet notifikata b’dan mill-Kunsill Lokali.

Madankollu, minkejja l-periklu, l-unika soluzzjoni li sab il-kunsill biex inaqqas il-periklu imqar temporanjament kien li jibgħat handyman li poġġa “l-aħħar cone li kien għad fadallu”, skont il-Kunsillier tal-Partit Laburista Oliver Mallia.

U minkejja kollox, dan il-cone lanqas biss tpoġġa dawl miegħu biex jiġbed l-attenzjoni tas-sewwieqa bil-lejl.

Fil-grupp ‘Proud to live in St Paul’s Bay’, kienu ħafna dawk li lmentaw fuq din is-sitwazzjoni; min iddeskriva x-xena bħala “circus on ice”.