Qorti

Il-każ dwar traffikar u sfruttament ta’ ħaddiema ta’ Leisure Clothing

Kuntratti b’termini differenti wieħed biċ-Ċiniż ieħor bil-Vjettnamiż u l-ieħor tal-ETC

Kienu saru tliet kuntratti differenti għall-ħaddiema ta’ Lesiure Clothing barranin li ntbagħtu Malta minn aġenziji f’pajjiżhom. Kuntratt biċ-Ċiniż, kuntratt ieħor bil-Vjettnamiż li kellu kundizzjonijiet kemmxejn aħjar u kuntratt ieħor mogħti lill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC) li kien skont il-liġi tax-xogħol f’Malta.

Dan ħareġ mix-xhieda tal-Ispettur Sylvana Briffa waħda mill-uffiċjali Prosekuturi fil-każ tal-kumpanija Leisure Clothing. Hija qalet li Han Bin stess qalilha li l-kuntratti ma kienux konformi mal-liġi u mar-regolamenti tax-xogħol f’Malta. Ħareġ ukoll li il-kuntratt Ċiniż kellu salarju ta’ bejn it-€350 u €500 fix-xahar u dak Vjettamiż kien jiggarantixxi l-paga minima Maltija. Il-ħaddiema barranin kellhom dawn iż-żewġ kuntratti iżda ma kienu jafu xejn bil-kuntratt li kien ingħata lill-ETC.

F’dan il-każ Han Bin, ta’ 46 sena ta’ nazzjonalita’ Ċiniża, residenti San Ġwann u li huwa d-Direttur Maniġerjali tal-kumpanija Leisure Clothing u Liu Jia ta’ 31 sena, Marketing Manager ta’ l-istess kumpanija, li huwa wkoll Ċiniż qegħdin jiġu akkużati bi traffikar uman, miżappropjazzjoni u esplojtazzjoni ta’ persuni Ċiniżi u Vjetnamiżi li kienu jaħdmu fil-fabbrika ġewwa Bulebel.

Huma qegħdin jiġu mixlijin b’disa’ akkużi, fosthom ukoll li kisru r-regolamenti tal-impieg f’Malta. Ix-xhud qalet li Bin Han qalilha li ċ-Ċiniżi u l-Maltin jitħallsu ndaqs imma kien hemm ftehim mal-General Workers’ Union li jippermetti ħlas anqas għall-ħaddiema Vjettnamiżi. Madankollu l-paga tagħhom xorta kienet għola mill-paga minima.

L-Ispettur Briffa tkellmet ukoll dwar l-istat miskin ta’ fejn kienu jgħixu l-ħaddiema barranin fil-post li ngħataw lilhom mill-kumpanija f’Ħa-Far. Hija qalet iżda li minn mindu l-Pulizija daħlu fil-post u raw b’għajnejhom il-faqar tiegħu, riċentament sar titjieb fih. Sadanittant il-Maġistrat Carol Peralta qal li huwa kien se jmur jara l-post nhar il-Ġimgħa, 9 ta’ Jannar fl-10.00 a.m. fejn tenna li flimkien mal-Prosekuzzjoni u d-Difiża biex jara jekk hux minnu li l-istat tiegħu huwa wieħed tal-biki.

L-Ispettur Sylvana Briffa qalet li fl-20 ta’ Awwissu kienet rċeviet rapporti wara li tliet Vjettnamiti kienu marru 12-il xahar sospiżi għal sentejn wara li kienu ppruvaw jaħarbu minn Malta b’dokumenti foloz. Wara saret nvestigazzjoni u ħareġ li l-kumpanija Leisure Cloting kienet qed tħaddimhom bejn 10 u 12-il siegħa kuljum u bejn sitta u seba’ t’ijiem fil-ġimgħa u li kienu qegħdin jitħallsu madwar €70 fix-xahar.

Mill-investigazzjonijiet li kompliet tagħmel il-Pulizija dwar il-kundizzjonijiet ħżiena x-xhud qalet li dan il-każ kien jimmerita aktar investigazzjoni fejn kien hemm ukoll il-ħjiel li kienu qegħdin jiġu traffikati persuni.
L-Ispettur Briffa qalet li fl-24 ta’ Settembru li għadda kienet bagħtet għal persuni Vjettnamiti fid-Depot, u dawn l-erba’ Vjettnamiti kienu rrakkontaw li f’pajjiżhom kien hemm aġenti li qalulhom li sabulhom xogħhol f’Malta mal-fabbrika Leisure Cloting.

Dawn qalulhom li kien se jkollhom salajru ta’ €685 u jinżammulhom €150, tmien siegħat kuljum, kellhom jagħmlu “overtime” u skont il-liġijiet ta’ Malta. Qalet li kien hemm qbil u dawn kienu ħalsu ammont sostanzjali ta’ flus qabel ma ġew Malta. Kien hemm min wkoll ta lill-Pulizija l-kuntratt li sar.

Dawn kienu qalu lill-Pulizija li meta waslu Malta kienu sabu żewġ Ċiniżi li ħadulhom il-passaport. Il-ħinijiet tax-xogħol kienu bejn is-7.00 a.m. sad-9.30 p.m. u jkollhom ġurnata “off” darba kull 15-il ġurnata.
Ix-xhud qalet li Bin Han kien ġie arrestat fit- 28 ta’ Ottubru li għadda d-dar tiegħu f’San Ġwann. Dan kien qal li huwa jingaġġa l-ħaddiema fejn fost oħrajn l-aġenti wara li jitolbu CV lill-ħaddiema dawn jibgħatuhom Malta jekk jintagħżlu.
Mill-investigazzjoni rriżulta wkoll li l-Maltin kienu jaqilgħu bejn €500 u 600 kull ġimghħatejn u suppost anke dawn Ċiniż kellhom jitħallsu l-istess imma iżda l-kumpanija kellha l-permess mill-GWU biex il-Vjettnamiti jitħallsu differenti.
Ix-xhud qalet lio Han Bin qalilha li l-ħaddiema kienu jaħdmu massimu ta’ 60 siegħa fil-ġimgħa bl-“overtime” iżda kien hemm klawslola wkoll li l-affarijiet jistgħu jkunu differenti jekk ikun hemm riċessjoni, kif fil-fatt kien hemm u qal li kien se jibda jħallashom bit-“time off in lieu”, iżda dwar dan ma kien hemm l-ebda records.

L-Ispettur Briffa qalet li Han Bin biddel il-verżjoni kif jiġi mpjegati l-ħaddiema barranin. L-ewwel qal li hu kien jara s-CV’s tal-ħaddiema hu, u wara minn informazzjoni li kellu fuq il-kompjuter tiegħu rriżulta li kellu kommunikazzjoni ma’ aġent. Ħareġ ukoll li l-kumpanija ma kellhiex flus fejn il-kontijiet kellhom bilanċ negattiv. Fil-fatt mill-flus li kienu jinżammu lill-ħaddiema barranin kienu jintużaw bħala garanzija għall-fabbrika.

Ix-xhud qalet li meta Han Bin kien qed jiġi mitkellem mill-Pulizija, il-ħin tal-ħaddiem barranin fuq il-post tax-xogħol sar sas-6.30 p.m. Hija qalet li minn dak li qalulha l-vittmi kienu.

L-Ispettur Briffa qalet ukoll li meta nterrogat Liu Jia dan qalilha li kien ilu erba’ snin jaħdem bħala Managing Director tal-kumpanija Leisure Clothing u li għandu paga ta’ €1,500. Kienet tinżammlu parti mill-paga fejn għal bidu kien jieħu €300 u issa qed jieħu €500 u l-bqija jinżammu għand il-kumpanija.

Meta reġgħet tkellmet dwar il-postijiet fejn kienu jgħixu f’Ħal Far, l-Ispettur Briffa qalet li l-kundizzjonijiet tant huma miżeri li max-“shower” jispiċċaw jonxru l-ħwejjeġ u t-toilet paper wieħed riedu jgħaddu bih xahar sħiħ.

Xhud ieħor Kong Hu Yan, impjegat tal-aġenzija Ċiniża li tipprovdi l-ħaddiema. Tenna minn dawk li intervista, kien hemm uħud minnhom li spiċċaw jaħdmu f’Malta, madankollu ma jiftakarx kemm. Qal li l-kumpanija tispeċjalizza f’riżorsi umani u tibgħat lin-nies biex jaħdmu barra l-pajjiż. Qal li l-kumpanija tigħat lill-ħaddiema f’pajjiżi oħrajn, apparti Malta. Huma jipprovdu ħaddiema Ċiniżi wkoll għal kumpanija Leisure Clothing.

Qal li huma bagħtu ‘l fuq minn 100 ħaddiem lejn Malta. Qal li qatt ma kellhom ilmenti dwar ix-xogħol f’Malta, tant li ħafna ħaddiema jkunu jerġgħu jiġu jaħdmu Malta.

Huwa ilu jaħdem mal-kumpanija għal erba snin. Qal li l-aġenzija titħallas minn għand il-ħaddiema skont il-ħiliet tagħhom. Qal li ċ-Ċiniżi jħallsu €1,000 beix jiġu f’Malta. Min-naħa l-oħra, il-fabbrika tħallas lill-kumpanija tal-ajru. Il-visa u l-insurance hiaj parti mill-ħlas tal-€1,000. Ma nafx kemm huwa l-profitt tal-kumpanija. Qal li ma jafx jekk iċ-Ċiniżi kienu iħallsu eżatt qabel jitilqu minn pajjiżhom.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-ħaddiem Vjentamiż, qal li l-kumpanija ma irċieviet xejn minn għandhom. Qal li l-kumpanija tiegħu titħallas $600 dollaru minn għand l-aġenzija Vjetnamiża li tkopri diversi affarijiet, fost oħrajn il-visas u trasport. Rigward il-Vjetnamiżi, ix-xhud qal li ma jafx lanqas.

Huwa qal li kien sorpriż li inbdew dawn il-proċeduri u lanqas kien jaf li kellu jidher fil-Qorti. Qal li l-kuntratt kien ikun iffirmat diġà minn Leisure Clothing. Qal li ma kienx jaf jekk dak imniżżel fil-kuntratt kienx jaqbel ma’ dak li tgħid il-liġi Maltija. Il-kumpilazzjoni se tkompli nhar l-Erbgħa, 14 ta’ Jannar fl-10.00 a.m.

Għad-Diretturi tal-kumpanija Liesure Clothing qegħdin jidhru l-Avukati Edward Gatt u Pio Valletta. L-Avukati Karl Briffa, Michael Camilleri, Lara Dimitrijevic u Katrine Camilleri deheru f’isem il-ħaddiema ta’ Lesiure Clothing. Il Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Joseph Busuttil u Silvana Briffa.