Il-prezz taż-żejt laħaq l-orħos prezz minn Mejju 2009. Dan hekk kif dalgħodu l-prezz taż-żejt fis-swieq internazzjonali rreġistra d-$49.92 kull barmil.
Kull ma jgħaddi ż-żmien, il-prezz taż-żejt qed ikompli jorħos, hekk kif l-iżvilupp ekonomiku f’diversi pajjiżi qed jitrażżan, kif ukoll għax fis-swieq hawn provvista tajba ħafna u mezzi mhux tas-soltu fl-Istati Uniti għall-produzzjoni taż-żejt. Issa, l-esperti fil-qasam mhux qed jeksludu li l-prezz taż-żejt jinżel sew taħt l-40 dollaru kull barmil.
Il-grupp tal-produtturi ewlenin taż-żejt (OPEC) qal li għas-sitt xhur li ġejjin mhux se jbiddel ir-rata ta’ produzzjoni tal-pajjiżi membri. Dan ifisser li l-provvista fis-swieq se tibqa’ waħda akbar milli hu mitlub u għalhekk possibbiltà kbira li t-tendenza tar-roħs fil-prezzijiet ikompli.
Fl-isfond ta’ dan kollu, il-Ministru Ingliż tal-Finanzi George Osborne wissa li kien “vitali” li issa dan ir-roħs kollu fil-prezz taż-żejt jibda jitgawda mill-poplu. Hu qal li l-poplu Ingliż issa jrid igawdi mhux biss f’roħs fil-prezz tal-petrol, iżda wkoll fil-kontijiet tad-dawl u l-biljetti tal-linji tal-ajru.
Il-Ministru Osborne żied li kien qajjem dan fil-Kabinett Ingliż u kien se jsir proċess ta’ sorveljanza biex ikun assigurat li l-poplu qed igawdi minn dan ir-roħs.
//= $special ?>