Il-persuni b’diżabbiltà mhumiex anġli. Jistgħu jiżbaljaw u jkunu kkundannati biex iservu sentenza fil-Faċilità Korrettiva. Għalhekk għandna nassiguraw li anke f’dan il-post, il-persuni b’diżabbiltà jkollhom l-aċċessibiltà meħtieġa.
Sostna dan iċ-Chairman tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabbiltà (KNPD) Oliver Scicluna waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, li matulha tħabbar il-bidu ta’ eżerċizzju ta’ audit li se jsir mill-KNPD bil-għan li jkun hemm faċilitajiet li jirrispettaw il-ħtiġijiet ta’ persuni b’diżabbiltà.
Il-KNPD hi l-entità nazzjonali li tkun konsultata u toħroġ linji-gwida fuq aċċessibbiltà fi proġetti u binjiet pubbliċi u privati. Bħalissa, fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin hemm seba’ priġunieri li għandhom forma ta’ diżabbiltà, fosthom nieqsin mid-dawl, nieqsin mis-smiegħ, problemi ta’ mobbiltà u problemi ta’ obeżità akuta.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà Justyne Caruana fakkret fit-tnedija tal-Policy Nazzjonali tal-Persuni b’Diżabbiltà u li l-pass li jmiss hu l-implimentazzjoni, bħalma hu l-eżerċizzju li qed isir mill-Ħabs.
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela tenna li għad fadal xi jsir minn dan il-lat, speċjalment f’ċelel u diviżjonijiet partikolari. Fakkar ukoll li priġunieri jista’ jkollhom ukoll problema ta’ saħħa mentali, uħud minnhom li jinħolqu mill-fatt li jinsabu f’detenzjoni. Qal li filwaqt li titneħħa l-libertà lil min ikun wettaq reat, m’għandha qatt titneħħa d-dinjità.
//= $special ?>