Lokali

L-isptar Mater Dei jibqa’ bl-iffullar

Is-sitwazzjoni fl-isptar Mater Dei illum kompliet tmur għall-għar wara li aktar pazjenti spiċċaw fil-kuriduri, filwaqt li diversi operazzjonijiet kienu kkanċellati, bin-nies jitħallew jistennew fl-isptar għalxejn.

Dan is-sit jinsab infurmat ukoll, li tant is-sitwazzjoni kienet gravi, li t-tobba irrifjutaw li jaraw pazjenti fl-emerġenża.

Dak li qed jiġri bħalissa fl-isptar Mater Dei u fis-settur tas-saħħa jmur kontra dak li wiegħed il-Partit Laburista fil-kampanja elettorali tiegħu, fejn waħda mill-wegħdiet tiegħu kienet li se jsolvi l-isfidi fis-settur tas-saħħa f’Malta, permezz ta’ roadmap li kienet ilha mfassla għal diversi snin.

Issa, kważi sentejn wara l-ħatra tiegħu fil-gvern, il-Prim Ministru Joseph Muscat għadu ma indirizzax il-problema tas-sodod fil-kurituri tal-isptar Mater Dei.

Dan il-filmat u filmati oħra li rċevejna fl-aħħar jiem fid-Dipartiment tal-Emerġenza jixhed is-sitwazzjoni allarmanti li jinsab fiha l-isptar Mater Dei, b’detriment għall-ħaddiema u għall-pazjenti li qed jinżammu fil-kurituri.

Dawn il-pazjenti qed jinżammu fl-isptar mingħajr privatezza u f’ambejnt li jirrifletti nuqqas ta’ dinjita’.