Fi stqarrija, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin jikkundanna bil-qawwa kollha l-attakk infami li seħħ dalgħodu fl-uffiċini tal-ġurnal satiriku Franċiz Charlie Hebdo, li fih inqatlu żewġ pulizija u għaxar persuni oħra fosthom ġurnalisti.
L-attakk li ġie deskritt bħala wieħed terroristiku mill-President Franċiż Francois Holland, kellu bħala mira lill-istampa ħielsa li bil-pubblikazzjonijiet tagħha ma għoġbitx lil xi estremisti Islamiċi li bi tpattija irrikorrew għal dan l-attakk krudil li sewa l-ħajja ta’ 12-il persuna.
L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin filwaqt li juri solidarjetà sħiħa mal-familji tal-vittmi jixtieq joffri l-appoġġ morali tiegħu lill-ġurnalisti taċ-Charlie Hebdo u jtenni l-appell tiegħu biex il-ġurnalisti fid-dinja kollha jitħallew jaħdmu fil-libertà, li hi dritt fundamentali ta’ kull persuna, hi min hi u tagħmel liema xogħol tagħmel.
Fl-istqarrija l-IĠM itemm jgħid li dawn l-ewwel ġurnalisti vittmi ta’ din is-sena li għadha kif bdiet, jingħaddu ma’ numru ta’ ġurnalisti oħra li nqatlu s-sena li għaddiet u mijiet oħra li sfaw maħtufa jew midruba fil-qadi ta’ dmirijiethom.
//= $special ?>