L-Awtorita’ tas-Saħħa u s-Sigurtà fil-Post tax-Xogħol (OHSA) appellat lill-pubbliku li jara xi każ ta’ prattiċi ta’ xogħol li jkunu ta’ periklu biex jirrapportaw mhux biss lill-mezzi tax-xandir, iżda wkoll lill-Awtorità. Fi stqarrija, l-OHSA qalet li rapporti f’waqthom, li anke jistgħu isiru b’mod kunfidenzjali, jgħinu biex l-Awtorità tkun aktar effettiva fl-infurzar ta’ liġijiet ta’ saħħa u sigurtà.
L-OHSA għamlet dan l-appell wara li fl-aħħar jiem, diversi mezzi tax-xandir, fosthom MaltaRightNow.com, xandru ritratti jew filmati mibgħuta mill-qarrejja li urew ħaddiema fil-qasam tal-kostruzzjoni li jkunu f’sitwazzjoni ta’ periklu.
L-OHSA qalet li s-settur tal-kostruzzjoni hu l-aktar settur fejn ikunu nnutati ksur tal-Liġi u hu l-aktar settur fejn jinħargu azzjonijiet ta’ infurzar mill-OHSA. L-Awtorità fakkret li l-Liġi, b’mod partikolari l-Avviż Legali 281 tal-2004, torbot lill-klijent, lill-kuntrattur, lil min hu responsabbli tal-proġett u lill-ħaddiem innifsu.
Filwaqt li tibqa’ tiffoka fuq it-tixrid ta’ kultura ta’ prevenzjoni u ħarsien, l-OHSA qalet li qed taħdem fuq qafas ta’ multi ferm aktar ħorox fejn jirriżulta li jkun hemm ksur ta’ Liġijiet dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fil-Post tax-Xogħol.
//= $special ?>