Minkejja li numru ta’ anzjani f’Għawdex qed jistennew biex jingħataw l-għajnuna tal-Home Help Care, il-Bord tal-Kumitat tal-Anzjani f’Għawdex ma jistax jiddeċiedi dwar il-każijiet li għandu quddiemu għax ilu ħafna ma jiltaqa’. Informazzjoni li għandu MaltaRightNow.com tgħid li l-Bord ilu aktar minn sitt xhur ma jiltaqa’ minħabba li fil-Kumitat għadu ma nħatarx Tabib u għalhekk il-Bord ma jistax jieħu deċiżjonijiet.
L-informazzjoni li għandna tgħid ukoll li hemm files b’każijiet ta’ anzjani li jridu jiġu studjati biex wara jkun deċiż jekk dawn l-anzjani għandhomx jingħataw is-servizz tal-Home Help Care. Wara li din l-aħbar ġiet żvelata minn MaltaRightNow.com, kienu diversi l-Maltin li wkoll ċemplu biex jirrappurtaw l-istess sitwazzjoni għall-anzjani qraba tagħhom.
Il-każijiet jinkludu tibdil fis-sigħat tas-servizz, għoti ta’ servizzi ġodda u anke każijiet fejn jinbidlu l-kundizzjonijiet tal-famiji li jirċievu s-servizz. Din is-sitwazzjoni qed tispiċċa biex toħloq inkonvenjent għall-anzjani u anke għal min iħaddem is-servizz tal-Home Help Care.
//= $special ?>