Lokali

Editorjal: L-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali: turija ta’ Oppożizzjoni kredibbli u effettiva

L-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali: turija ta’ Oppożizzjoni kredibbli u effettiva

Għada, il-Qorti Kostituzzjonali mistennija tiddeċiedi jekk għandux jinżamm ir-referendum mitlub miċ-ċittadini li ffirmaw il-petizzjoni biex jittieħed vot popolari fuq il-kaċċa fir-rebbiegħa. Il-Gvern qed jgħid li, skont id-deċiżjoni tal-Qorti, jiddeċiedi meta jżomm l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li jmisshom isiru fl-14 ta’ Marzu.

Il-Gvern jgħid li jagħmel l-elezzjonijiet tal-Kunsilli mar-referendum jekk isir

F’kummenti lill-media, il-Ministru Owen Bonnici qal li jekk il-Qorti taqtagħha li r-referendum għandu jsir, ikun jagħmel sens li kollox isir fl-istess ġurnata, jiġifieri l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u r-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa flimkien.

Sa minn Ġunju li għadda, Muscat ried iħassar dawn l-elezzjonijiet

Jekk jagħmilx l-elezzjonijiet tal-Kunsilli mar-referendum hi deċiżjoni tal-Gvern. Li qatt ma messu sar, imma, hu dak li insista fuqu l-Prim Ministru Muscat sa minn Ġunju li għadda, jiġifieri l-insistenza li jħassar dawn l-elezzjonijiet tal-Kunsilli.

Kwistjoni maqlugħa mill-Prim Ministru stess

Din il-kwistjoni tat-tħassir tal-elezzjonijiet tal-Kunsilli kienet kwistjoni maqlugħa mill-Prim Ministru stess u għalxejn. Fl-1 ta’ Ġunju tas-sena l-oħra, fil-Każin Laburista tan-Nadur, Għawdex, Muscat ħabbar li kien se jħassar dawn l-elezzjonijiet.

Skont Muscat, Malta falluta b’elettorat għajjien

Joseph Muscat imbagħad qatta’ ħames xhur jgħid li l-elettorat hu għajjien tant bl-elezzjonijiet li ma jiflaħx jivvota aktar. U qagħad jgħid ukoll li l-pajjiż hu fallut tant taħt it-tmexxija tiegħu li ma jiflaħx jagħmel imqar l-elezzjonijiet tal-Kunsilli f’nofs il-pajjiz.

Il-Prim Ministru jinsisti b’qawwa anke mal-ġurnalisti

Il-Prim Ministru baqa’ jinsisti għal xhur sħaħ li ried iħassar dawn l-elezzjonijiet tal-Kunsilli. Meta ġurnalista tal-MaltaToday staqsietu jekk dak li kien qed jgħid kienx sempliċiment biex jitlaq idea u jara xi tkun ir-reazzjoni, Muscat weġibha b’qawwa li meta jitkellem hu ma jmurx jifflowtja l-ideat imma jkun qed jitkellem bis-serjetà.

Oppożizzjoni b’argumenti qawwijin u kredibbli

L-Oppożizzjoni, min-naħa tagħha, għamlet pressjoni qawwija biex tiddefendi d-demokrazija lokali. L-argumenti tagħha favur id-demokrazija fil-Kunsilli rebħu l-argument għax kienu argumenti kredibbli li firxa kbira ta’ nies qablet magħhom.

Oppożizzjoni effettiva li ħarset l-elezzjonijiet lokali li Muscat ried iħassar

Il-fatt li l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali se jsiru skont l-irtirata li daqq il-Gvern f’Novembru li għadda juri kemm l-Oppożizzjoni għamlet argument qawwi u rnexxielha terġa’ tikseb dawn l-elezzjonijiet għall-elettorat.

Żgur mhux b’raj Joseph Muscat

Isiru meta jsiru, dawn l-elezzjonijiet żgur mhux se jsiru b’raj Joseph Muscat li ried iħassarhom u li ta r-raġunijiet għala ried iħassarhom – pajjiż fallut b’elettorat għajjien, skont il-Prim Ministru stess.

Il-fatt li dawn l-elezzjonijiet isiru hu biss mertu ta’ Oppożizzjoni kredibbli u effettiva.