Għada l-Qorti Kostituzzjonali mistennija tħabbar xi ddeċidiet dwar il-possibbiltà li matul din is-sena jinżamm referendum dwar il-futur tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa. Ir-referendum, jekk isir, se jkun qed jitlob li jitħassar Avviż Legali li jkopri tliet snin u li jimxi skont deroga tal-Unjoni Ewropea li tippermetti l-kaċċa għall-gamiem u s-summien fir-Rebbiegħa.
Jekk il-Qorti Kostituzzjonali għada tapprova li jinżamm ir-referendum, ikun imiss lill-President tar-Repubblika li tiffissa data għall-votazzjoni bejn tliet xhur u sitt xhur wara. Dak ifisser li l-votazzjoni tista’ ssir bejn April u Lulju li ġejjin. Dan ikun l-ewwel referendum f’150 sena f’pajjiżna li se jsir wara talba mill-elettorat u l-uniku wieħed fl-istorja li jħassar għal kollox liġi li tkun fis-seħħ.
F’każ li r-referendum jgħaddi, u għalhekk l-elettorat jagħżel li titwaqqaf il-Kaċċa fir-Rebbiegħa, id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ immedjatament. Madankollu, il-liġi elettorali ta’ pajjiżna titlob li biex riżultat ta’ referendum ikun validu, irid ikun hemm turnout ta’ mill-anqas 50% tal-elettorat.
Id-deċiżjoni ta’ għada mill-Qorti Kostituzzjonali kienet f’nofs dibattitu bejn il-Koalizzjoni għall-Abolizzjoni tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa u l-federazzjonijiet tal-kaċċaturi, li min-naħa tagħhom diġà ddikjaraw li mhux se jċedu malajr id-delizzju tagħhom.
//= $special ?>