Qorti

Ħames xhur ħabs għal żewġ Naplitani li mportaw karozzi lussużi misruqin

Żewġ Taljani li ftit tal-jiem qabel il-Milied inqabdu jimportaw f’Malta karozzi lussużi ġew ikkundannati ħames xhur ħabs kull wieħed mill-Maġistrat Marsanne Farrugia wara li ammettew l-akkużi miġjubin kontrihom.

Luigi Cirella ta’ 37 sena u Luciano Siviglia ta’ 50 sena, t-tnejn minn Napli, ammettew li mportaw dawn il-karozzi lussużi filwaqt li Taljan ieħor Erasmo Decesare u l-Malti, Joseph Chetcuti, ċaħdu l-akkużi miġjubin kontrihom.

Il-Pulizija skoprew li l-erba’ karozzi kienu nsterqu mill-Italja fix-xhur preċedenti u li dawn kollha kellhom pjanċi tar-reġistrazzjoni misruqin. Fil-Qorti rriżulta li Cirella u Siviglia bdew jinsistu li huma ħatja, u dan baqgħu jagħmluh anke meta kienu mwissija li każ bħal dan iġorr massimu ta’ seba’ snin ħabs.

Cirella u Siviglia qalu lill-Pulizija li ma kienux jafu li l-karozzi kienu misruqin u dan peress li xi ħadd qalilhom li dawn kienu karozzi tal-kiri.