Lokali

Il-ġurnalisti Maltin id f’id mal-kollegi Franċiżi

B’rabta mal-attakk terroristiku li seħħ il-bieraħ fil-kapitali Franċiża, Pariġi, attakk li fih inqatlu 12-il persuna li jaħdmu fl-uffiċini tal-ġurnal Franċiż Charlie Hebdo, illum ġurnalisti mill-kmamar kollha tal-aħbarijiet f’Malta ingħaqdu flimkien fid-daħla tal-Belt Valletta. Dan biex bħala ġurnalisti jwasslu l-messaġġ tagħhom kontra l-attakk barbaru tal-bieraħ f’Pariġi.

Attakk li wettquh tlett persuni armati b’machine guns tat-tip Kalashnikov u anki rocket launcher u li daħlu fl-uffiċini tal-ġurnal Charlie Hebdo jgħajjtu Allah hu l-Akbar u fetħu n-nar. L-attakk sar hekk kif kienet qed issir il-laqgħa editorjali jiġifieri l-ġurnalisti kollha kienu preżenti f’kamra waħda.

Hamsa mit-12-il persuni li nqatlu kienu ġurnalisti.

Fil-messaġġ tagħhom il-ġurnalisti Maltin qalu li huma favur id-demokrazija u favur id-drittijiet tal-bniedem u li dawn l-atti barbari m’għandhomx ibeżżgħu xogħol il-ġurnalisti fejn tidħol il-liberta’ tal-espressjoni.

Intant ftit tal-ħin ilu bdiet protesta f’San Ġiljan mill-komunita’ Franċiża f’Malta. Protesta li għandha twassal messaġġ kontra l-vjolenza bl-iskuża tar-reliġjon.