Maltempata xitwija qalila ġabet temperaturi kesħin silġ fil-Lvant Nofsani, tant li qajmet tħassib dwar is-sitwazzjoni ta’ miljuni ta’ refuġjati hemmhekk.
Il-borra niżlet fil-muntanji madwar il-Wied Bekaa fil-Libanu, fejn qed jgħixu mijiet ta’ eluf ta’ Sirjani li ħarbu minn djarhom.
Bi rjieħ kesħin silġ jonfħu, kien hemm attentati biex it-tined jintrabtu aktar b’saħħithom, filwaqt li saru l-preparamenti kollha kontra l-għargħar.
In-Nazzjonijiet Uniti wkoll tinsab imħassba ħafna dwar is-sitwazzjoni fil-Ġordan, fejn qed tqassam aktar kutri.
Aktar minn 7.6 miljun persuna jinsabu maħrubin fis-Sirja mindu bdiet ir-rewwixta fl-2011, filwaqt li aktar minn 3.3 miljun ħarbu mill-pajjiż biex isibu futur aħjar f’pajjiżi barranin.
Il-maltempata xitwija, imbassra li tibqa’ sejra għal diversi jiem, ġabet magħha l-borra u temperaturi taħt iż-żero fil-Libanu, fis-Sirja, fil-Ġordan u fit-Turkija. Iżrael, ix-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaża ntlaqtu wkoll.
Morsa ta’ maltemp fil-Lvant Nofsani
