Lokali

Ritratti: Ħabta bejn żewġ karozzi tal-linja fit-terminus tal-Belt

Il-kumpanija ġdida Spanjola Autobuses Urbanos de León, li mil-lum bdiet topera s-servizz tat-trasport pubbliku f’Malta, diġa’ bdiet tħabbat wiċċha mal-problemi wara li ħabta bejn żewġ karozzi tal-linja wasslet għal ħsarat estensivi fiż-żewġ vetturi.

Kien għall-ħabta tal-erbgħa ta’ wara nofsinhar li karozza tal-linja li kienet ħierġa mit-terminus irriversjat u ntlaqtet minn karozza tal-linja oħra li kienet għadha kif bdiet il-vjaġġ lejn iċ-Ċirkewwa.

Għal xi raġuni fit-terminus ma kien hemm l-ebda uffiċjal li s-soltu jkunu qed jiggwidaw lis-sewwieqa li jkunu qed jirriversjaw biex joħorġu mit-terminus.

Kawża ta’ din il-ħabta, il-vettura li kienet sejra ċ-Ċirkewwa spiċċat bil-windscreen imfarrka mal-art. Minn fuq din il-karozza kellhom jitniżżlu l-passiġġieri kollha li kienu sejrin f’din ir-rotta tant użata kemm mill-Maltin u t-turisti.